Mijiet ta’ naħal mejta; l-ERA tinvestiga

Facebook / Renzo Desira

Ritratti dramatiċi juru mijiet ta’ naħal tal-għasel mejta. Il-post daret fuq il-midja soċjali, fejn il-persuna qal li dawn qed jiġu meqruda f’Kemmuna permezz ta’ nasses tal-valenu. Huwa temm il-post tiegħu ssaqsi fejn hi l-awtorità.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi (ERA) dwar il-każ. Kelliema għall-Awtorità qalet li l-ERA tinsab konxja ta’ dawn ir-ritratti li dehru fuq il-mezzi tal-midja soċjali. Hi qalet li se l-Awtorità se tkun qed tinvestiga l-allegazzjonijiet li saru li naħal tal-għasel Malti kienu vvelenati f’Kemmuna. Hi saħqet li l-qtil ta’ din l-ispeċi protetta b’mod intenzjonat huwa reat kriminali.

L-għaqda mhux governattiva Nature Trust – FEE Malta, fi stqarrija qalet tinsab inkwetata dwar ir-rapporti li dehru. L-għaqda fakret li Kemmuna hija riserva protetta mil-liġi u li n-naħal huma essenzjali għall-ekosistema lokali.

L-għaqda saħqet dwar l-importanza tan-naħal biex idakkru ħafna mill-pjanti, li jinkludu frott u ħaxix, u li terz mill-uċuħ tar-raba jiddependu mid-dakkir tan-naħal.

L-għaqda appellat lill-ERA biex tinvestiga u jekk huwa l-każ li verament qed jintużaw nasses velenużi talbet il-Pulizija tieħu azzjoni biex jinstab min hu wara dawn in-nasses.

In-Nature Trust saħqu dwar l-importanza ta’ kampanja informattiva u edukattiva mal-pubbliku dwar l-importanza tan-naħal fl-ekosistema.

Huma appellaw l-awtoritajiet relevanti biex jieħdu azzjoni kemm fuq in-naħal kif ukoll fuq rapporti oħra li dehru fil-midja li qed juru ritratti ta’ dak li ġie deskritt bħala “kerrejja magħmulha mit-tined” li mid-dehra hemm fil-Bajja ta’ Santa Marija.