Mijiet ta’ impjegati tal-BOV jipparteċipaw fis-Solidarity Fun Run

Iċ-Ċentru tal-BOV f’Santa Venera kien mimli bil-ħajja l-Ħadd filgħodu hekk kif mijiet ta’ impjegati, flimkien mal-membri tal-familja u ħbieb imlew it-triq ħdejn il-kwartieri tal-Bank. Hemmhekk, huma ħadu sehem f’sezzjoni ta’ eżerċizzji kordinati minn Jes Sciberras, qabel ma marru jingħaqdu ma’ parteċipanti oħrajn li għażlu li jimxu f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà, li issa waslet fis-seba’ edizzjoni konsekuttiva tagħha. Grupp ieħor iltaqa’ fis-Saqqajja r-Rabat u ġera t-triq kollha sa Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
Il-Bank of Valletta ilu jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Malta Community Chest Fund għal bosta snin, mhux biss billi jtella’ l-kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank imma wkoll billi ta s-sapport tiegħu lil diversi avvenimenti kbar oħra li għandhom l-għan jiġbru l-fondi għall-MCCF bħal Rockestra, Paqpaqli għall-Istrina u Tisjir mill-Qalb.
L-impjegati tal-BOV dejjem kienu mħeġġa jipparteċipaw f’dawn l-inizjattivi biex juru s-solidarjetà tagħhom lejn il-komunità Maltija. Fl-istess waqt, avvenimenti ta’ dan it-tip iservu biex jissaħħaħ l-ispirtu ta’ tim fl-organizzazzjoni, li hija waħda mill-ikbar intrapriżi lokali b’aktar minn 1,500 impjegat.