“Mijiet” ta’ impjegati mkeċċija minn kumpanija tal-gaming

Facebook

Il-kumpanija tal-gaming NetEnt qiegħda tkeċċi mijiet ta’ impjegati skont ma qalu rapporti varji fil-midja lokali.

Il-Gvern ħareġ stqarrija filgħaxija li tikkonferma li qed jintilfu diversi impjiegi, u fiha ħeġġeġ lil dawk li spiċċaw bla xogħol biex jirreġistraw mal-Jobsplus sabiex jinstabilhom xogħol ieħor.

Dan it-tibdil qed isir wara li NetEnt, li għandha l-uffiċċji tagħha f’Ħal Qormi, ġiet akkwistata minn Evolution Gaming. Evolution Gaming qed tagħmel xi ristrutturar organizzattiv li “wassal għall-għeluq ta’ xi linji tan-negozju f’Malta u pajjiżi oħra,” fi kliem il-Gvern.

Rapporti lokali jgħidu li dalgħodu, mijiet ta’ impjegati ġew mgħarrfin li huma se jitkeċċew, u ntalbu biex ibattlu l-iskrivaniji u l-lockers tagħhom minnufih.

Wieħed mill-ħaddiema kiteb fuq il-midja soċjali li huma se jitħallsu ta’ dan ix-xahar, u se tittieħed deċiżjoni fuq kull ħaddiem individwalment, li taf iddum sa 30 ġurnata biex issir magħrufa. Qal li kulħadd kien maħsud – kien hemm min beda jibki u kien hemm min beda jgħajjat.

Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija ħabbar li hu beda diskussjonijiet mal-entitajiet relevanti minnufih sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni bla xkiel ta’ impjegati li jinsabu fir-riskju li jiġi terminat l-impjieg tagħhom.

L-impjegati inkwistjoni jistgħu jirreġistraw għal impjieg alternattiv permezz tal-portal ta’ Jobsplus. Twaqqfet ukoll linja ta’ għajnuna fuq 22201251 biex tassisti lill-persuni milqutin. Saru wkoll arranġamenti biex Jobsplus toffri servizz apposta ta’ appoġġ biex ikun identifikat xogħol alternattiv lill-persuni affettwati. Uffiċjali ta’ Jobsplus huma f’kuntatt mat-tmexxija tal-kumpanija biex jikkordinaw dan is-servizz direttament.

Il-Fondazzjoni Gaming Malta bħalissa tinsab f’diskussjonijiet ma’ operaturi oħra tal-logħob li għandhom opportunitajiet ta’ xogħol vakanti għall-persuni affettwati.