Mijiet ta’ immigranti jitwaqqfu bejn il-Libja u l-Italja

Il-Gwardja tal-Kosta Libjana u bastiment internazzjonali tal-karità interċettaw mijiet ta’ migranti fl-ibħra bejn il-Libja u l-Italja, hekk kif it-traffikanti ppruvaw jieħdu vantaġġ mit-temp bnazzi fl-aħħar jiem, u salpaw għexieren ta’ dgħajjes fil-Mediterran.
Dgħajjes Libjani waqqfu żewġ bċejjeċ tal-baħar bl-immigranti fuqhom.
Wieħed minnhom, dingi li ma baqax jaħdem sew, kellu rikbin 125 persuna, u twaqqaf fil-Punent ta’ Tripli, u l-oħra dgħajsa fil-Lvant ta’ Tripli, mgħobbija b’112 persuna.
Dgħajsa oħra, b’110 immigrant, irnexxielha toħroġ ħafna ’l barra, tant li kważi ltaqgħet ma’ bastiment tat-Tobba Mingħajr Fruntieri, li kienu lesti biex jgħinuhom jaslu sal-Italja.
Aktar min-nofs dawn in-nies kienu Niġerjani, u l-bqija minn pajjiżi li jiġu taħt id-deżert Saħara, kif ukoll żewġ Palestinjani.


Sadanittant, il-Gwardja tal-Kosta f’Zuwara, post magħruf għat-traffikar tal-immigranti fil-Libja, qalet li rnexxielha tisfratta ħarba mill-immigranti u t-traffikanti f’nofs ta’ lejl sabiex jilħqu l-baħar, u qabdet xi wħud minnhom, iżda oħrajn irnexxielhom jaħarbu ma’ xi traffikanti.

Il-Libja tibqa’ l-pajjiż ewlieni mnejn l-immigranti jaħarbu biex jilħqu l-Mediterran, u finalment l-Ewropa, bil-ħsieb li jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Mis-sajf li għadda l-frekwenza naqset xi ftit, wara li t-traffikanti laħqu ftehim mal-Gvern fi Tripli, u ftit wara ntrebħu minn gruppi rivali armati.
Ma’ dan wieħed iżid l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-gwardjani tal-kosta Libjana.
Ritratti: Reuters (Arkivji)