Mijiet ta’ iġsma tal-Istat Iżlamiku jistennew biex jintbagħtu pajjiżhom

Seba’ xhur wara li Forzi Libjani ħadu lura f’idejhom il-belt ta’ Sirte minn idejn l-Istat Iżlamiku, mijiet ta’ iġsma ta’ militanti barranin għadhom qed jistennew hekk kif l-awtoritajiet qed jinnegozjaw ma’ gvernijiet oħra dwar x’se jsir minnhom.
L-iġsma twasslu f’Misrata, il-belt li l-militanti tagħha mexxew il-ġlied qalil biex f’Diċembru li għadda Sirte ntrebħet lura.
Għall-pajjiżi bħat-Tuneżija, is-Sudan u l-Eġittu, li jaċċettaw dawn l-iġsma mhux faċli għax hekk ikollhom jaċċettaw u jsir magħruf kemm miċ-ċittadini tagħhom ħallew pajjiżhom biex jgħinu lill-Istat Iżlamiku fis-Sirja u l-Iraq.
Fl-aħħar ġimgħat l-Istat Iżlamiku tilef ukoll il-belt stateġika ta’ Mosul fl-Iraq u qed isib diffikulta biex iżomm il-belt Sirjana ta’ Raqqa.
Minkejja dan, l-Istat Iżlamiku rnexxielu jattira militanti mill-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani u anke mill-Ewropa.
Mit-Tuneżija biss, uffiċjali jgħidu li madwar 3,000 ċittadin ħallew lill-pajjiżhom biex jiġġieldu fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja.