Mijiet ta’ ħaddiema qed jitkeċċew – Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li mijiet ta’ ħaddiema qed jitkeċċew mill-post tax-xogħol minħabba s-sitwazzjoni tal-coronavirus.

Delia qal dan illejla waqt li kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tal-partit tiegħu, NET. Delia reġa’ tenna l-appell tiegħu biex il-Gvern jordna li jkun hemm lockdown f’Malta. Qal li Malta issa għandha ftit sigħat biss biex tkun tista’ tieħu din id-deċiżjoni qabel ma jkun tard wisq.

“Il-lockdown essenzjali biex flimkien insalvaw il-ħajjiet tal-Maltin,” qal Delia. Fi kliem Delia, il-Prim Ministru Robert Abela jinsab “in denial” u li huwa żbaljat meta ddeskriva l-lockdown bħala “house arrest”.

Skont Delia hemm negozji zgħar li qed jgħalqu u li hemm min qal li minn nhar it-Tnejn se jfalli.

Dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar miżuri ġodda b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus filwaqt li enfasizza li bħalissa m’hemmx lok għal lockdown.

Il-Malta Chamber u l-Malta Employers Association irreaġixxew b’mod negattiv għall-avviż legali li ħareġ il-Gvern ilbieraħ filgħaxija biex il-leave ta’ kwarantina jitħallas mis-sidien.

Il-pubbliku qed jiġi affaċċjat kontinwament b’żewġ pożizzjonijiet. L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-General Workers Union, il-UĦM – Voice of the Workers, il-Forum Unions Maltin u numru ta’ organizzazzjonijiet professjonali oħra, fosthom dawk mediċi fl-Isptar Mater Dei li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, qed iħeġġu lil Gvern biex jordna lockdown.

Mill-banda l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela qed jirrifjuta li jagħmel dan. Il-PM qed jgħid li l-parir li qed jagħtuh dawk responsabbli mis-saħħa pubblika fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa hu kontra li jsir lockdown.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn