Mijiet jitilfu l-liċenzja f’kaos ta’ e-scooters fl-Oktoberfest fi Munich

Mijiet ta’ persuni tilfu l-liċenzji tas-sewqan tagħhom wara li saqu e-scooter taħt l-effett tax-xorb waqt il-festival tal-birra Oktoberfest f’Munich.

Skont is-CNN, b’kollox inqabdu 414-persuna jsuqu e-scooter taħt l-effett tax-xorb u 254 tilfu l-liċenzja tagħhom b’riżultat ta’ dan.

L-e-scooters ġew legalizzati f’Ġunju li għadda fil-Ġermanja. Huma kklassifikati bħala vetturi motorizzati u allura r-regoli dwar is-sewqan u x-xorb japplikaw.

Wara li kien hemm għadd ta’ inċidenti relatati ma’ dawn l-iscooters f’Texas, l-awtoritajiet bdew jinvestigaw. Sabu li wieħed minn kull tliet persuni li weġġgħu fuq e-scooter weġġgħu matul l-ewwel vjaġġ li għamlu. Ikkonkludew li s-sewwieqa tal-e-scooters jaf ikollhom bżonn it-taħriġ.

F’Malta, konsultazzjoni Pubblika mnedija mill-Ministeru għat-Trasport qed tipproponi fost l-oħrajn li dawk kollha li jixtiequ jsuqu e-kickscooter iridu jkollhom liċenzja tas-sewqan f’waħda minn dawn il-kategoriji: A (mutur), B (karozza), AM (mutur li jwassal sa veloċità massima ta’ 45 kilometru fis-siegħa).

Jipproponu li ġġib il-liċenzja biex issuq scooter