Aġġornata(3): Simon Busuttil b’appell lill-President biex jirriżenja l-PM, “Muscat irriżenja” – PPE

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca biex, minkejja li m'għandhiex setgħa legali, tuża l-awtorità morali tagħha u tiftaħ għajnejn il-Prim Ministru biex jirriżenja, f’ġieħ l-interess tal-pajjiż.
L-appell imqanqal min-naħa ta' Dr Busuttil sar waqt demostrazzjoni nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta, li ġiet organizzata wara li ħarġu l-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant fil-Panama hi ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. 
Dr Busuttill saħaq li qed jagħmel dan l-appell lill-President, b’responsabbiltà kbira, wara li l-Prim Ministru ma telaqx minn jeddu. Stqarr li ma kull ġurnata li jagħmel fil-poter, il-Prim Ministru qed jagħmel aktar ħsara lill-pajjiż.
Appella wkoll lid-Deputati Laburisti, lill-korpi kostitwiti, lill-imsieħba soċjali, lill-midja indipendenti u lill-awtoritajiet ewlenin, biex jagħmlu xogħolhom u ssir ġustizzja għall-ġid tal-pajjiż.
Lil dawk li mhumiex Nazzjonalisti, Simon Busuttil qal li mhux jiltobhom li jsiru Nazzjonalisti, iżda biex ikunu ċittadini Maltin u jimxu wara l-bandiera ta’ Malta, u “nneħħu l-Prim Ministru li ma jridx jitlaq”.
"Malta taħt il-lenti tad-dinja mhux minħabba l-Presidenza"
Il-Kap Nazzjonalista qal li Malta tinsab taħt il-lenti Ewropea u tad-dinja, għax għandha Prim Ministru taħt investigazzjoni, u mhux għax għandha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Irrefera għal dak li qal il-Prim Ministru, li jrid il-provi dwar il-kumpanija Egrant, mingħand il-Partit Nazzjonalista. Saħaq li l-provi qegħdin fl-aġir tal-Prim Ministru stess, mhux biss ta’ dawn l-aħħar jiem, imma minn meta ħa l-ġurament tal-ħatra ta’ Prim Ministru.
Esprima sentiment ta’ rabja, ta’ tradiment u ta’ inkwiet għall-futur ta’ Malta, u saħaq li dan hu s-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dr Busuttil saħaq li quddiem dan it-tradiment, il-poplu llum qed jipponta subgħajh lejn bniedem wieħed, lejn Joseph Muscat.
Jelenka "12-il fatt ta' kif Malta qed tinbiegħ għal 30 biċċa fidda" 
Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil elenka 12 minn dawk li beda jsejjaħ ‘Fatt’, “ta’ kif Malta qed tinbiegħ għal 30 biċċa fidda.”
Semma l-ftuħ ta’ tliet kumpaniji ‘sigrieti’ fil-Panama; tneħħija ta’ Kummissarju tal-Pulizija magħruf għas-serjetà tiegħu; erbgħa min-nies isiefru waħedhom fl-Ażerbajġan; l-ismijiet fil-Panama Papers tal-Ministru Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri; iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru; l-isem tas-sid tat-tielet kumpanija ma ngħatax b’imejl imma bi Skype; ma tibdiex investigazzjoni qabel ma’ sid il-Bank Pilatus ħareġ id-dokumenti relatati mill-Bank; tinħatar inkjesta wara li tħassru l-provi u minflok investigaazzjoni, il-Kummissarju tal-Pulizija mar imexmex il-fenek.
"Joseph Muscat għandu joffri protezzjoni lil dawk li jressqu l-informazzjoni"
Simon Busuttil appella lil kull min għandu informazzjoni li tista' twassal għall-ġustizzja, biex jaqdi dmiru lejn il-pajjiż u wegħidhom protezzjoni. 
Saħaq li Joseph Muscat għandu jagħti l-protezzjoni lil dawn in-nies minn issa, jekk m'għandu xejn x'jaħbi.
“Irridu Gvern responsabbli” – Marlene Farrugia
Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia saħqet li dawk li nġemgħu l-Belt Valletta ltaqgħu għax ilkoll iridu gvern bil-għaqal u responsabbli.
Qalet li erba’ snin ilu l-poplu ta l-vot tiegħu lill-partit li kellu viżjoni li mhux biss tgħaqqad il-pajjiż, imma li tassigura governanza nadifa, trasparenti u meritokratika li tixraq lil Malta.
Dr Farrugia sostniet li ġara iżda, li wara biss ftit taż-żmien, il-poplu Malti beda jinduna li l-viżjoni kienet biss viżjoni ta’ fuq il-karta, għax il-Gvern lill-poplu beda jippreżentalu illużjoni bi propoganda.
Spjegat li l-poplu sar jaf bil-kumpaniji sigrieti fil-Panama, minħabba l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers, u dan ifisser li dawk li fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama ftit wara li telgħu fil-Gvern, għamlu dan bl-intenzjoni li kollox jibqa’ sigriet.
"Kieku innoċenti kienu jibagħtu malajr lill-Pulizija jissiġillaw il-bank Pilatus" – Marlene Farrugia
Marlene Farrugia qalet li kieku l-Prim Ministru u familtu kienu innoċenti, kienu jibagħtu immedjatament lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jissiġġillaw il-Bank Pilatus, biex l-evidenza tibqa’ hemm. Żiedet tgħid li l-Pulizija marret biss fil-bank meta l-evidenza kienet ħarbet mill-pajjiż,
Hija appellat għar-riżenja tal-Prim Ministru biex iħalli lill-Gvern Malti jopera mingħajr dell ikrah waqt il-Presidenza tal-UE.
Irringrazzjat lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tax-xogħol tagħha u tkellmet dwar is-sagrifiċċju li qed jagħmlu hi u l-familja tagħha. Sostniet li “forsi tista’ ma taqbilx magħha f’kollox, imma żgur tista' taħdem magħha, għax mara!”
“Għandna Kummissarju tal-Pulizija Made in Zimbabwe” – Michael Briguglio
L-eks-Ċermen tal-Alternattiva Demokratika, Michael Briguglio, sostna li wara riżenja wara l-oħra ta' Kummissarji tal-Pulizija u "issa għandna Kummissarju Made in Zimbabwe”.
Saħaq li “qegħdin hawn għax inħobbu lil Malta u li Malta ma daħlitx fl-Ażerbajġan jew f'Żimbabwe imma fl-Unjoni Ewropea”.
Indirizza lil-Laburisti u qal li hemm ħafna Laburisti ġenwini u li huma mweġġgħin. Saħaq li hemm ħafna li jibżgħu jitkellmu fil-pubbliku dwar kif il-partit li tant iħobbu inħataf minn gang, minn klikka “li llum qed naraw li hi kriminali, klikka li naraw titħanżer kuljum”.
Michael Briguglio sostna li din il-klikka la għandha għal qalbha l-pajjiż u wisq inqas il-Partit Laburista, għax qed tagħmel ħsara kbira lill-pajjiż u lill-partit.
Semma kif sena ilu, “sfortunatament” ma kellniex ir-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi, iżda l-promotion tiegħu. 
Irrefera għal dak li għamel il-Kummissarju tal-Pulizija, u stqarr li minflok jinvestiga mar jieħu fenkata.  Michael Briguglio fakkar li l-poplu mhux iblah u li ħadd mhu jieħu l-inkjesta bis-serjetà.
Qal li l-Maltin mhux se jħallu lil Joseph Muscat u l-klikka tiegħu jġegħluna nemmnu li qisu xejn mhu xejn, iżda li hawn politiċi ta’ integrità.
Ikkonkluda li l-Maltin iridu li l-pajjiż jiġi qabel il-partit u li Malta tkun “tagħna lkoll mhux tagħhom biss.”
“Il-Prim Ministru Malti għandu jirriżenja” – PPE
Iċ-Ċermen tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Manfred Weber, qal li “hu bla preċedent li Prim Ministru ta’ pajjiż li għandu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea qiegħed taħt investigazzjoni maġisterjali formali u xorta jibqa’ jirrifjuta li jirriżenja.” Sostna li “Il-ġustizzja f’Malta tapplika biss għall-persuni komuni filwaqt li ma tapplikax għal dawk il-ftit li huma magħżulin. 
"Ħafna kliem iżda provi xejn" – PL
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizjoni hu falz għax  jgħid ħafna kliem, iżda provi xejn. Żied jgħid li minkejja l-isfida tal-Prim Ministru, għal darb’oħra Busuttil reġa’ ma ppreżentax prova waħda fuq l-allegazzjonijiet tiegħu u ta’ Daphne Caruana Galizia. 
Ritratti: Ian Noel Pace/Beppe Galea