Mijiet jagħtu qalbhom lill-familja ta’ Dan u Irina

Għadd ta’ individwi u entitajiet qed jiġbru l-flus biex jingħataw lill-familja Udrea biex tieħu lil Dan lura fir-Rumanija biex jindifen qrib il-familja tiegħu.
L-inizjattiva tal-istaff tal-Isptar Mater Dei li ġiet ippubblikata lbieraħ ġabret aktar mit-target oriġinali ta’ €2,500. Wara inqas minn 24 siegħa, il-kawża onlajn ġabret aktar minn €3,300 mingħand aktar minn 100 persuna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon qal ma’ Newsbook.com.mt li r-rispons tan-nies kien kbir ħafna tant li issa għallew il-mira bil-għan li jiġbru €4,000 biex jitħallsu l-ispejjeż kollha.
Aktar kmieni, anki l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tat is-sehem tagħha bis-sapport morali u finanzjarju tagħha. Il-Malta Community Chest Fund Foundation offriet is-somma ta’ €2,000 liċ-Chairperson tal-Komunità Rumena f’Malta biex imorru għall-ispejjeż dovuti għall-funeral ta’ Dan Udrea.
Fuq Facebook, il-Komunità Rumena rringrazzjat lill-President għas-sapport morali u finanzjarju tagħha. Qalet li Irina Udrea rċeviet telefonata mill-President fejn offriet l-għajnuna tagħha u staqsieta biex fejn ikun hemm bżonn tikkuntattjaha.
Anke oħt Dan, li tinsab fl-Istati Uniti bdiet kampanja onlajn biex jinġabru fondi għall-funeral ta’ ħuha. Fuq is-sit GoFundMe, huma diġa ġabru aktar minn €6,000 mingħand 150 persuna differenti.