Mijiet imutu bil-ġuħ fil-kamp ta’ Yamouk fis-Sirja

Amnesty International qed issostni li r-reġim tal-President Bashar Al-Assad qed iħalli lir-refuġjati fil-kamp ta’ Yarmouk f’Damasku mingħajr ikel u għalhekk ħafna qed imutu bil-ġuħ.
Rapport ta’ Amnesty isostni li minn tal-inqas 128 refuġjat fil-kamp mietu bil-ġuħ.
Eluf ta’ Sirjani qed jinżammu f’dan il-kamp fil-belt kapitali f’mossa oħra mir-reġim ta’ Al-Assad kontra n-nies ċivili.
Il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Amnesty International isostnu li residenti fil-kamp qed jaħarbu fit-toroq ifittxu l-ikel u qed jispiċċaw fil-mira tas-suldati Sirjani li kuljum iduru t-toroq jissieltu mar-ribelli.
Fil-kamp ta’ Yarmouk hemm madwar 20,000 refuġjat fil-maġġoranza Sirjani u Palestinjani.
Il-kamp ilu mingħajr provvista tal-elettriku minn April tas-sena li għaddiet.