Mijiet fil-Parlament Ewropew jipprotestaw għal azzjoni kontra l-Istat Iżlamiku

Mijiet ta’ Kurdi daħlu fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Brussell dalgħodu, isejħu favur iktar azzjoni mill-awtoritajiet kontra l-Istat Iżlamiku.
L-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola tellgħet ritratt fuq il-profil tagħha fuq il-midja soċjali, li fih tidher il-folla mdaqqsa ta' dimostranti bi bnadar sofor. 
Ilbieraħ kien hemm għadd ta’ dimostrazzjonijiet f’diversi bliet Ewropej fosthom f’Ruma, f’Londra, fi Vjenna, f’Cologne, u fi Brussell fejn saħanistra seħħew protesti fl-ajruport.
Id-dimostrazzjoni tal-lum seħħet ftit sigħat biss wara li l-militanti tal-Istat Iżlamiku rnexxielhom jieħdu kontroll tal-belt strateġika ta' Kobane fis-Sirja wara li għelbu l-maġġoranza ta' Kurdi f'dan il-post fil-fruntiera qrib it-Turkija