Miftuħa l-votazzjoni għaċ-Champions Nazzjonali tal-EBA

Il-pubbliku Malti mistieden jivvota għan-negozju favorit tiegħu minn sitta. Hekk ikollu sehem fid-deċiżjoni dwar min se jkun iċ-Champion ‘Pubbliku’ Nazzjonali għal Malta fl-edizzjoni tal-European Business Awards ta’ din is-sena, sponsorjata minn RSM.
Il-kumpaniji li diġà ssemmew bħala Champions Nazzjonali, wara li ntgħażlu b’mod indipendenti minn ġurija, tellgħu l-filmat tal-kumpanija tagħhom fis-sit elettroniku tal-European Business Awards www.businessawardseurope.com biex juru s-suċċess tan-negozju tagħhom lill-pubbliku.
It-titlu ta’ Champion Pubbliku Nazzjonali jingħata lil dik il-kumpanija li tkun kisbet l-aktar voti wara li jagħlaq l-ewwel stadju tal-votazzjoni pubblika fis-26 ta’ Frar. Iċ-Champions kollha magħżula mill-pubbliku, mit-32 pajjiż li qed jieħdu sehem fil-kompetizzjoni, se jitħabbru fis-7 ta’ Marzu 2016.
Fit-tieni votazzjoni pubblika se jkun hemm it-32 Champion Pubbliku Nazzjonali magħżula jikkompetu kontra xulxin biex jieħdu t-titlu tal-‘European Public Champion’. Il-votazzjoni għal din il-fażi se ssir bejn is-7 ta’ Marzu u s-26 ta’ April 2016. Ir-riżultat jitħabbar f’avveniment gala tal- European Business Awards f’Ġunju 2016.
Il-membri tal-ġurija indipendenti tal-European Business Awards se jevalwaw u jagħtu l-punti tagħhom lill-filmati kollha, kif ukoll lil sottomissjonijiet oħra bil-miktub u jagħżlu l-aqwa kumpaniji għall-istadju finali tal-110 Ruban d’Honneur. Dawn jiġu evalwati minn ġurija oħra u r-rebbieħa ta’ kull kategorija jitħabbru f’avveniment gala f’Ġunju.
Il-Premjijiet tan-Negozji Ewropej inħolqu biex jirrikonoxxu u jippromwovu s-suċċess tan-negozji u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ komunità aktar b’saħħitha ta’ negozji madwar l-Ewropa. Minbarra l-RSM, is-sussidjarji u l-imsieħba l-oħra ta’ dawn il-Premjijiet jinkludu l-ELITE, l-UKTI u l-PR Newswire.