Miftuħ ċentru Ewropew kontra t-terroriżmu

Il-mexxejja Ewropej, għall-ewwel darba, iddedikaw ċentru ta’ ħidma kontra t-terroriżmu fl-Ewropa.
Iċ-ċentru tal-Europol, inawgurat illum f’The Hague, jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u jidentifika rabtiet bejn it-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħra fosthom id-droga u l-bejgħ tal-armi.
Se jkollu bejn 40 u 50 espert kontra t-terroriżmu.
Il-ftuħ taċ-ċentru ħabat fl-istess jum li fih ġie żvelat rapport tal-Europol stess dwar l-Istat Iżlamiku.
Ir-rapport jgħid li l-grupp terroristiku żviluppa stil li lest jorganizza iktar attakki terroristiċi fid-dinja, speċjalment fl-Ewropa, l-iktar fi Franza u li kull pajjiż qed jaħdem biex dan ma jseħħx.
L-iskop hu, skont ir-rapport, li l-Istat Iżlamiku jolqot fejn l-iktar li jagħmel ħoss, bħal l-attakki ta’ Pariġi u l-isplużjoni tal-arjuplan fl-Eġittu s-sena li għaddiet.