Mifhum li Theuma kien fil-mira tal-attentat ta’ impurtar ta’ velenu minn Fenech – rapporti

Aġġornat 09:10 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

Rapporti lokali qed jgħidu li s-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theua, kien fil-mira tal-attentat ta’ importazzjoni ta’ velenu minn Yorgen Fenech.

Is-sit Lovin’ Malta, kmieni llum waranofsinhar, qal li skont “sorsi infurmati sew”, l-attentat ta’ importazzjoni ta’ cyanide minn Fenech, kien qed isir fil-konfront ta’ Theuma. Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali sabiex jiżvela dak kollu li kien jaf b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Dan l-aħħar żvilupp ħareġ wara li fil-Qorti lbieraħ, l-Ispettur Kurt Zahra kkonferma li n-negozjant Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jiġi investigat ukoll dwar tentattiv ta’ importazzjoni tal-kimika velenuża cyanide.

Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tiegħu, waqt il-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra meta mistoqsi mill-avukat Dr Jason Azzopardi.  Meta l-Ispettur żvela dan, l-avukat Charles Mercieca f’isem id-difiża qam biex joġġezzjona u jgħid “mhu veru xejn”, filwaqt li Fenech beda jitbissem.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li hu mifhum li d-doża tal-velenu li pprova jixtri Yorgen Fenech kienet qed issir minn username falz u kienet doża li skont esperti mediċi meħtieġa biex tinqatel persuna. Spjegaw kif dan il-velenu joqtol fi ftit minuti biss (anke f’żewġ minuti) u huwa diffiċli ħafna li wieħed jinduna li l-kawża tal-mewt ta’ dak li jkun kienet relatata mal-konsum tal-velenu. Qalu li fil-fatt, fl-Istati Uniti kien hemm diversi persuni li kienu maħsuba li mietu b’kawża naturali u fil-fatt kienu nqatlu.

Il-ġurnal Lovin’ Malta qal ukoll li l-attentat ta’ xiri ta’ din il-kimika velenuża sar fl-2019, u x-xahar jidher li kien April.

Intant, ftit tal-ħin wara, il-ġurnal Times of Malta qal li kienu investigaturi ġejjin mill-Istati Uniti li rnexxielhom jagħmlu s-sejba ta’ tfittxijiet online għall-velenu li kienu ġejjin minn apparat allegatament ta’ Fenech. Is-sorsi tal-ġurnal qalu li l-US Federal Bureau of Investigtion (FBI) is-sena li għaddiet semmew dawn it-tfittxijiet li ltaqgħu magħhom ftit tax-xhur qabel ma’ Fenech kien arrestat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista.

Il-ġurnal kompla jgħid kif it-tfittxijiet saru fuq dak li hu magħruf bħala d-dark web, parti tal-internet li hija magħrufa għal attivitajiet kriminali. Jidher li mit-tfittxijiet, l-individwu li pprova jixtri dan il-velenu uża user name u password li jippermettuli jaċċessa d-dark web u aċċessa paġni li jippermettu li xi ħadd jixtri biżżejjed velenu li kapaċi joqtlu adult li jizhen 80 kilogramma.

Skont is-sorsi tal-ġurnal, filwaqt li mhux jekk dan kienx direttament fil-konfront ta’ Theuma, l-investigaturi mhux qed jeskludu li fil-mira kien hemm is-sensar. Madanakollu l-istess sorsi sostnew li din hija biss teorija.

Minuta b’minuta ta’ x’intqal fil-Qorti lbieraħ:
Joseph Muscat ġie interrogat “taħt caution” – L-Ispettur Zahra