Miexi b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol għall-mina

Ix-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex qed javvanza b’ritmu mgħaġġel. Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg f’risposta għal numru ta’ mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bexxina.

Il-Ministru Borg saħaq li qed tingħata attenzjoni sħiħa sabiex jinkiseb l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali. Irreferea fost oħrajn għall-mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni li tlesta matul dawn l-aħħar xahrejn fejn huwa maħsub li se tkun qed titħaffer il-mina.

Tenna li r-riżultat ta’ dan il-mudell ġew diskussi ma’ diversi esperti, entitajiet u awtoritajiet konċernati.

Saħaq li biex jinġabar it-tagħrif tekniku għal dan l-istudju b’kollox saru disa’ cores, bl-analiżi u t-tagħrif miksub minnhom qed jiġu integrati f’mudell ġeoloġiku u f’rapport li se jkun qed jiġbor is-sejbiet u d-dettalji meħtieġa għall-istadji li jmiss tal-proġett.

 

Qed jitħejja ukoll conceptual design tal-mina u komplew l-istudji tekniċi li se jiffurmaw parti mill-istudju għall-Impatt Ambjentali.