Mietet persuna għal kull 14 li waslu fl-Ewropa

L-għadd ta’ refuġjati u immigranti li ppruvaw jilħqu l-Ewropa mill-Baħar Mediterran u tilfu ħajjithom, kien allarmanti fl-2018. Il-Baħar Mediterran ġie meqjus l-iktar baħar li ra mwiet.

L-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNHCR) qalet li kuljum imutu b’medja ta’ sitt ħajjiet. Spjegat li fi triqithom mil-Libja għall-Ewropa, mietet persuna għal kull 14-il persuna li waslet fl-Ewropa. Din ġiet deskritta bħala żieda qawwija fl-2017. Bosta eluf spiċċaw irritornati l-Libja, fejn ġew affaċċjati b’kunidzzjonijiet ħżiena f’ċentri tad-detenzjoni. Għal ħafna, li jidħlu fl-Ewropa, kien l-aħħar pass sabiex jintemm dan il-vjaġġ grottesk ta’ tortura, stupru, attakki sesswali u theddid li jiġu maħtufa.

Madwar 2,275 persuna mietu jew intilfu waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran fl-2018, minkejja t-tnaqqis fin-numru tal-wasliet fix-xtut Ewropej.

Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati Filippo Grandi qal li s-salvataġġ tal-ħajjiet la hu għażla, la kwistjoni politika u lanqas obbligazzjoni. Saħaq illi t-traġedji jistgħu jintemmu jekk ikollna l-kuraġġ u viżjoni li nħarsu ‘l barra mid-dgħajsa li jmiss, u jiġi addottat approċċ fit-tul, ibbażat fuq kooperazzjoni reġjonali, fejn tpoġġi l-ħajja umana u d-dinjità fil-qalba tagħha.

Ir-rapporti wrew kif bidliet fil-politika minn xi stati Ewropej raw diversi inċidenti fejn għadd kbir ta’ nies tħallew fuq il-baħar għal bosta ġranet, jistennew għall-permess tal-baċir.  Id-dgħajjes u l-ekwipaġġ tal-NGO raw bosta ristrezzjonijiet fit-tfittxija u fis-salvataġġ.

Raġġ ta’ tama xorta ħareġ f’ċertu postijiet. Eluf ta’ postijiet ta’ rilokazzjoni  ġew imwiegħda minn stati sabiex jevakwaw refuġjati mil-Libja. Ir-rapport juri anke bidla fir-rotot użati mir-refuġjati u l-immigranti, għax għall-ewwel darba, Spanja ġie l-punt primarju tad-dħul fl-Ewropa. L-imwiet fil-punent tal-Mediterran tela’ minn 202 fl-2017 għal 777 fl-2018.