Mietet Nanna Peppa, l-aktar mara anzjana fl-Ewropa, fl-età ta’ 116-il sena

F’Poggio Imperiale fl-Italja llum mietet Maria Giuseppa Robucci, magħrufa bħala Nonna Peppa, l-aktar mara anzjana fl-Ewropa, fl-età venerabbli ta’ 116-il sena. Il-mara twieldet fl-20 ta’ Marzu 1903. Hi temmen li kellha ħajja twila għax dejjem evitat l-alkoħol u t-tipjip, kielet ikel bnin u emmnet f’Alla. Matul ħajjitha kienet xhud għal żewġ gwerer mondjali, żewġ rejiet Taljani u 12-il President tar-Repubblika.

Meta dan l-aħħar għalqet sninha kien hemm festa kbira fejn kienet tgħix, ċelebrata b’mużika, żfin folkloristiku u għadd kbir ta’ rigali mir-residenti. Fl-okkażjoni ta’ meta għalqet 112-il sena Maria Giuseppe nħatret sindku onorarju tar-raħal tagħha.
Il-mara kien għad għandha memorja tajba u kienet kapaċi tirrakkonta minn xiex għaddiet minn ħajjitha. Fir-referendum kostituzzjonali kellha 43 sena u minn mindu twieled ir-Repubblika Taljana dejjem marret tivvota, inklużi dawk li saru f’Mejju li għadda għall-Parlament Ewropew.

Maria Giuseppe kienet imdaħħla wkoll fit-trejd unjoniżmu għal 40 sena u f’ħajjitha rat it-twelid ta’ ħamest itfal u 25 neputijiet. Meta miet żewġha fl-1982 kompliet taħdem fil-ħanut tax-xorb tiegħu sakemm irtirat f’dar għall-anzjani. Il-mara hi t-tliet waħda fl-istorja tal-Italja li qabżet il-116-il sena.

Il-mewt tagħha seħħet ġimgħa biss wara l-mewt tal-aktar mara anzjana fl-Ingilterra, Grace Jones, li kienet temmen li għexet 112 sena għax kienet tixrob dik in-naqra whisky mħallta bl-ilma.

AQRA: Mietet l-aktar mara anzjana fl-Ingilterra li rat 26 prim ministru u 4 rejiet u reġina