Mietet “Madre Tereża” tal-Pakistan

Ruth Pfau, tabiba Ġermaniża u soru li ddedikat ħajjitha biex tipprova teqred il-marda tal-ġdim mill-Pakistan tant li kienet magħrufa bħala “Madre Tereza tal-Pakistan”, mietet aktar kmieni din il-ġimgħa fl-età ta’ 87 sena.
Dr Pfau kienet żaret il-Pakistan fl-1960 u rat b’għajnejha kemm kienet mifruxa l-marda tal-lebbra u ddeċidiet li tiftaħ numru ta’ kliniċi biex minnhom tiġġieled din il-marda kiefra.
Bl-isforzi tagħha, sal-1966 il-marda kienet ġiet taħt kontroll.
Il-Prim Mnistru tal-Pakistan, Shahid Khaqan Abbasi, qal li għalkemm Ruth Pfau twieldet fil-Ġermanja, qalbha kienet dejjem fil-Pakistan. “Hi ġiet f’pajjiżna meta dan in-nazzjon kien għadu qed jitwieled bil-ħsieb li tagħti ħajja aħjar lil dawk li kienu milquta minn din il-marda u fl-istess waqt għamlet minn pajjiżna d-dar tagħha. Hi tat ħajja dinjituża lil mijiet ta’ eluf ta’ persuni”, qal il-Prim Ministru filwaqt li faħħar il-kuraġġ u l-lealtà tagħha.
Dr Pfau twieldet f’Leipzig fl-1929 u tul it-Tieni Gwerra Dinjija id-dar tagħha sfat distrutta bil-bumbardamenti. Studjat il-mediċina wara li daħlet soru fl-ordni Ulied il-Qalb ta’ Marija u ntbagħtet l-Indja, iżda inqabdet f’Karachi minħabba problema bil-viża. Hemm saret konxja tal-marda tal-ġdim.
F’intervista mal-BBC fl-2010 is-soru stqarret li l-ewwel pazjent li wassalha biex tiddeċiedi tiddedika ħajjitha għal dawn il-morda, kien żagħżugħ mill-Patan li tkaxkar fil-klinika tagħha jimxi fuq idejh u riġlejh, bħall-klieb.
Fil-ħidma tagħha hi salvat tfal sfigurati u muġugħa li kienu msakkra għal snin twal mill-ġenituri tagħhom f’għerien u rziezet għax kienu jibżgħu li setgħu jieħdu l-marda minnhom.
Tul is-snin ħarrġet tobba Pakistani u attirat fondi minn barra l-pajjiż biex waqqfet il-Programm Nazzjonali għall-Kontroll tal-Lebbra fil-Pakistan u aktar tard iċ-Ċentru tal-Lebbra, Marie Adelaide, li għandu fergħa fil-provinċji kollha tal-Pakistan.
Ruth Pfau kienet imfaħħra ħafna għall-għajnuna kbira li tat lill-vittmi tal-għargħar kbar li kienu laqtu l-Punent tal-Pakistan fl-2010. Irċiviet diversi unuri għall-ħidma tagħha kemm mill-awtoritajiet tal-Pakistan kif ukoll minn dawk Ġermaniżi.
Il-funeral tagħha qed isir illum il-Ġimgħa, 19 ta’ Awwissu, fil-Knisja dedikata lil San Patrizju, f’Karachi u wara tindifen fiċ-ċimiterju kattoliku tal-istess belt.