Mietet l-attriċi tat-telenovelas Edith González

Edith González u Edoardo Palomo fi Cuore Selvaggio

Tħabbret il-mewt tal-attriċi Edith González, magħrufa l-aktar għas-sehem tagħha f’bosta telenovelas ta’ suċċess, fosthom Cuore Selvaggio li bosta Maltin żgur kienu segwewha lura fis-Snin 90.

L-attriċi kif kienet tidher proprju ftit xhur ilu qabel mewtha. Ritratt: Presidencia de la República Mexicana

L-attriċi Messikana kellha biss 54 sena. Il-mewt tagħha ġiet għal għarrieda hekk kif ġisimha jidher li ma felaħx għal aktar trattamenti għall-kanċer li kellha. González ma qagħditx lura fl-aħħar snin biex titkellem pubblikament dwar il-ġlieda tagħha mal-kanċer sa mill-2016. Hija kienet miżżewwġa lil Lorenzo Lazo u kellha tifla ta’ 14-il sena, Costanza.

Tul il-karriera tagħha bħala attriċi, Edith González ħadet sehem f’26 film għaċ-ċinema kif ukoll ħadet sehem f’xejn inqas minn 30 telenovelas fosthom Corazón salvaje li wasslitilha għal suċċess internazzjonali u li fl-Italja xxandret bħala Cuore Selvaggio u kien ħadem ukoll magħha l-attur Eduardo Palomo, li kien miet b’attakk f’qalbu fl-età  ta’ 41 sena fl-2003.