Mietet bil-Covid-19 jew le? Il-parroċċa infurmata 45 minuta qabel

Stock photo

Read in English.

Għadu mhux ċar jekk mara ta’ 85 sena li m’għandha lil ħadd jiġi minnha jgħix f’Malta mititx bil-coronavirus jew le.

Il-każ huwa ta’ mara li kienet residenti f’Dar Sant’ Anna f’Għawdex u kienet toqgħod Ta’ Kerċem.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li l-parroċċa kienet infurmata li kellhom funeral ta’ persuna li mietet waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19. Għalhekk il-funeral kien imħejji skont il-protokoll f’dawn il-każijiet, inkluż li t-tebut tal-persuna jkun issiġillat u mpoġġi fuq trolley.

Madankollu t-Tnejn il-Ministeru tas-Saħħa ma ħabbar l-ebda mewta ta’ persuni li kienu pożittivi għall-Covid-19.

Kif ġraw il-fatti?

Newsbook.com.mt staqsa lill-Steward Malta dawn il-mistqosjiet: “Tista’ tikkonferma jekk il-Ħadd kienx hemm persuna li mietet f’Għawdex waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19? Jekk iva, tista’ ttina d-dettalji tal-persuna fosthom meta l-persuna ġiet pożittiva, l-età u jekk il-persuna mititx fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?” Dawn il-mistoqsijiet inbagħtu fit-2.42pm.

Fil-5.24pm, kelliema għal Steward Malta qalet li, “il-persuna li mietet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-10 ta’ Jannar 2021 ma tistax titqies bħala mewt relatata mal-Covid għax hija qatt ma rriżultat pożittiva. Hija kellha 85 sena.”

Meta mistoqsija jekk hija rriżultatx pożittiva wara li mietet, il-kelliema qalet li dan ma kienx il-każ.

Sadanittant fit-3.15pm jew 45 minuta qabel il-bidu tal-funeral, il-paroċċa kienet infurmata li din il-mara ma mititx waqt li kienet pożittiva għall-coronavirus u għalhekk kellu jsir funeral normali. It-tebut tal-persuna kien issiġillat bħalma jkun tal-vittmi tal-Covid-19.

Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet li ma kien hemm l-ebda mewt relatata mal-Covid-19 irrapurtata f’Għawdex, il-Ħadd.

Sorsi differenti ikkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li meta mietet il-mara kienet tinsab f’sala fejn qegħdin jinżammu persuni li huma pożittivi għall-Covid-19.

Sal-lum fil-gżejjer Maltin ġew irrapurtati 234 vittma tal-Covid-19.