Miet wieħed mill-fundaturi tal-grupp The Village People

Il-grupp Village Peope. Ritratt: Nicky J. Sims/Redferns

Tħabbret il-mewt ta’ Henri Belolo, wieħed mill-fundaturi tal-grupp popolari The Village People. Belolo kien ukoll wieħed mill-awturi tal-kanzunetta li kisbet suċċess fenomenali madwar id-dinja kollha Y.M.C.A.

Belolo kellu 82 sena.

Għalkemm ma tantx ilha li ħarġet uffiċjali l-aħbar tal-mewt tiegħu, huwa rrapurtat li Belolo miet is-Sibt li għadda.

Belolo kien għaqqad il-grupp Village People flimkien ma’ Jacques Morali u fost il-kanzunetti li ta kontribut għalihom bħala ko-awtur insibu mhux biss is-silta Y.M.C.A., iżda wkoll Go West u In The Navy.

Hu mifhum li dan il-producer ċelebri diġà ndifen f’ċerimonja privata, iżda Victor Willis, il-kantant tal-grupp The Village People, ħabbar li f’qasir żmien se jkun hemm tislima pubblika biex titfakkar il-memorja ta’ Belolo.