“Miet quddiemi, ma stajt nagħmel xejn”

Iben ir-raġel li miet dalgħodu fil-Ħamrun qal fuq Facebook li ra lil missieru jaqa’ għal mewtu quddiem għajnejh.

Emanuel Grech ta’ 65 sena miet dalgħodu, meta għall-ħabta tat-8am waqa’ żewġ sulari fil-kumpless tax-xiri Daniel’s fil-Ħamrun.

Filmat: Raġel imut wara li waqa’ 2 sulari fil-Ħamrun

Ibnu Matthew sostna li din kienet propju sajjeta fil-bnazzi. Insista li missieru kien bniedem li kien iħobb jgħin lil kulħadd, li kien iwissi lill-uliedu biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom met jkunu fuq ix-xogħol. Spjega li ma jistax jemmen li missieru kellu jitlef ħajtu b’dan il-mod, u propju xahrejn qabel ma jirtira u jibda jgawdi l-ħajja aktar. Matthew semma kif missieru kien kaċċatur u kien iħobb imur jistad.

F’messaġġ mimli dieqa, Matthew spjega kif ma jistax ineħħi l-inċident fatali ta’ missieru minn quddiem għajnejh u sostna l-frustrazzjoni li ħass meta nduna li ma seta’ jagħmel xejn biex isalvah.