Miet l-awtur Andrea Camilleri; ħoloq il-karattru tal-Ispettur Montalbano

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-awtur Sqalli Andrea Camilleri fl-età ta’ 93 sena. Għal min isegwi l-istazzjonijiet televiżivi Taljani, bla dubju jassoċċja lil dan l-awtur ma’ wieħed mill-karattri ferm popolari fuq it-Televiżjoni: dak tal-Ispettur Montalbano, li jintwerew b’suċċess fuq Rai Uno.

Din is-sensiela ta’ films li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 25 sena ma kienitx popolari biss fl-Italja iżda wkoll f’bosta pajjiżi bħall-Ingilterra, l-Istati Uniti, Franza, Spanja, l-Ġermanja u l-Awstralja.

Grazzi għas-suċċess ta’ din is-sensiela, jingħad li kien żdied it-turiżmu fi Sqallija minkejja li l-istejjer kienu ambjentati fil-belt fittizja ta’ Vigàta.

Camilleri kien iddaħħal l-isptar ix-xahar li għadda jsofri minn attakk f’qalbu. Hu kien tilef id-dawl ta’ għajnejh fl-2017 iżda xorta kien baqa’ jikteb. Kien ikkummenta li minkejja li kien għama, issa beda jara l-affarijiet ferm aktar ċari minn qabel.

Ħafna jqisu lil Camilleri bħala l-ikbar awtur Sqalli sa mit-Tieni Gwerra Dinjija.

Andrea Camilleri ma’ Luca Zingaretti li jinterpreta lil Montalbano

Tul il-karriera tiegħu bħala awtur, Camilleri kiteb aktar minn 100 ktieb. Dawk ta’ Montalbano kienu ppublikati f’format ta’ 180 paġna ‘l wieħed u kull ktieb kellu 18-il kapitlu ta’ 10 paġni ‘l wieħed.

L-istejjer tal-Ispettur Montalbano ġew maqluba f’120 lingwa u huwa kkalkulat li b’kollox biegħu 25 miljun kopja madwar id-dinja.