Imut Jack Charlton, eroj tat-Tazza tad-Dinja 1966

Jack Charlton, wieħed mill-plejers eroj fit-tim nazzjonali Ingliż li rebaħ it-Tazza tad-dinja fl-1966 miet il-bieraħ il-Ġimgħa fl-età ta’ 85 sena. Huwa kien jilgħab ma’ Leeds Utd u jiġi ħu l-kbir ta’ Bobby Charlton, li kien miegħu wkoll fit-tim f’Wembley fir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja.

Il-plejer miet fid-dar tiegħu f’Northumberland wara li kien qed isofri minn marda fit-tul.  Jack Charlton għal Leeds United għamel rekord  meta lagħab 773 darba mat-tim fuq karriera ta’ 23 sena.  Huwa kien meqjus bħala wieħed mill-akbar difensuri ċentrali  ta’ kull żmien.

Ta’ min ifakkar li f’dawn l-aħħar snin ir-raġel kien qed jitlef il-memorja. F’intervista li ta ħames snin ilu qal li kellu 80 sena u sar jinsa ħafna. Xi drabi ma jiftakar xejn.

Jack Charlton ma’ ħuh Bobby Charlton

Leeds United ħabbru li kienu ddispjaċuti ħafna bl-aħbar ta’ mewtu.  Il-familja tiegħu qalet fi stqarrija: “Jack miet fil-paċi nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju fl-età ta’ 85 imdawwar bil-familja tiegħu.” 

Ritratt Leeds Utd: Jack Charlton jgħolli t-Tazza tad-Dinja fl-1966 meta t-tim Ingliż ħareġ rebbieħ f’Wembley kontra l-Ġermanja 4-2.

Sadattant it-tim ta’ Nottingham Forest iddeskriva lil Charlton bħala “plejer eċċezzjonali tal-logħba”, u kien “avversarju kbir, maniġer fin u persuna mill-aqwa”.