Miet il-Prim Imħallef JJ Cremona fl-eta’ ta’ 102

Read in English.

Illum tħabbret il-mewt tal-Prim Imħallef Emeritus JJ Cremona fl-età ta’ 102 sena. Il-Prof. Cremona kien responsabbli mill-abbozzar tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza. Barra karriera legali eminenti l-Prof Cremona kien ukoll magħruf bħala storiku u anke poeta.

Huwa kien twieled fix-Xagħra Għawdex fl-1918. Huwa studja fl-Università ta’ Malta, fl-Università ta’ Ruma u fl-Università ta’ Londra.

Fil-bidu tas-snin sittin il-Prof Cremona kien l-Avukat Ġenerali u kellu sehem ewlieni fit-tfassil tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.

Cremona laħaq Prim Imħallef u kien l-ewwel Malti li serva bħala mħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa laħaq ukoll bħala wieħed mill-viċi presidenti tal-Qorti.

Fi stqarrija l-Gvern sellem il-memorja tal-Prim Imħallef Cremona u żied li huwa kien wieħed mill-aqwa mħuħ legali li qatt kellha Malta partikolarment fl-oqsma kostituzzjonali u amministrattivi.

Il-Gvern żied li l-Professur Cremona se jibqa’ mfakkar bħala ġgant fl-istorja ta’ Malta u l-mixja li mexa dan il-poplu tul il-milja taż-żmien.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-Imħallef Emeritu J.J.Cremona u qal li huwa kien figura kruċjali biex issawret il-Kostituzzjoni ta’ Malta.