Miet il-leġġendarju Alfredo Di Stefano

Wara li kien jumejn f’koma fl-isptar Gregorio Maranon ta’ Madrid isofri minn attakk tal-qalb, ħalla din id-dinja il-plejer leġendarju Arġentin ta’ Real Madrid, Alfredo Di Stefano.
Di Stefano imlaqqam Saeta Rubia li tfisser vleġġa bjonda, jitqies bħala wieħed mill-aħjar plejers li qatt kellha l-istorja tal-futbol.
Fil-karriera tiegħu ma’ Real Madrid rebaħ ħames tazzi taċ-Ċampjins, darbtejn il-Ballun tad-Deheb, 13-il kampjonat (8 minnhom fi Spanja ma’ Real Madrid), Tazza Interkontinentali, Tazza tar-Re u 2 Tazzi Latini.
Alfredo Di Stefano minn Buenos Aires fl-Arġentina, beda l-karriera tiegħu fl-1943 mat-tim Arġentin ta’ River Plate u għamel żmien qasir mal-Huracan.
Fl-1949 ingħaqad mat-tim Kolumbjan ta’ Millonarios u magħhom rebaħ tliet kampjonati.
Mill-1953 ingħaqad ma’ Real Madrid u lagħab magħhom sal-1964, fejn lagħab 396 logħba uffiċjali u skurja 307 gowls.
Meta waqaf minn plejer, għamel xi żmien kowċ u sakemm miet kien il-President Onorarju ta’ Real Madrid.
Mat-tim nazzjonali Arġentin rebaħ il-Copa America fl-1947.
Fl-1956, ħa ċ-ċittadinanza Spanjola u lagħab ukoll mat-tim nazzjonali Spanjol.
Sfortunatament fl-edizzjonijiet tal-Iżvezja fl-1958 u fiċ-Ċili fl-1962, Spanja ma rebħux it-Tazza tad-Dinja.
Ftit tas-snin ilu Pelè kien qal fuq Di Stefano li hu aqwa minn Maradona u minn Pelè nnifsu.