Miet il-kelb Cheddar ta’ Brooklyn Nine-Nine; kellu 13-il sena

Cheddar, il-kelb li jidher fis-sensiela televiżiva Brooklyn Nine-Nine, miet fl-età ta’ 13 il-sena. Il-kelb tar-razza Corgi kien is-sieħeb tal-Kaptan Raymond Holt. Sid Cheddar, li ismu proprju kien Stewart, irrakkonta fuq Instagram kif il-kelb miet fil-paċi f’Kalifornja.

“Morna fuq ix-xatt li kien il-post favorit ta’ Stewart fejn il-kelb qagħad jilgħab fuq ir-ramel u fil-baħar. Imbagħad morna picnic fejn kilna l-burgers li kienu l-favoriti tiegħu. Wara ltqajna mal-veterinarju u l-kelb traqqad f’idi jisma’ ħoss tal-oċean. Kien kelb f’miljun. Kien veru superstar!”

Stewart kellu sens ta’ kummidjant fis-sensiela u kien jifqa’ lil kulħadd bid-daħk b’dak li kien jagħmel. Żewġ xeni memorabbli ta’ Cheddar kienu meta wassal iċ-ċrieket tat-tieġ waqt ċerimonja ta’ żwieġ u fejn wara ħassu ħażin u ntilef minn sensih daqs kemm kiel kejk.

Stewart ma kienx l-uniku kelb li għamel il-parti ta’ Cheddar imma kien l-aktar wieħed li dam fis-sensiela.