Miet il-Kardinal akkużat b’abbużi sesswali f’għeluq it-80 sena

Il-Kardinal Keith O’Brien, Arċisqof irtirat ta’ S. Andrews u Edinburgħ, miet fl-isptar fejn kien rikoverat wara li waqa’.  Hu kellu 80 sena.
Għal ħafna snin kien figura importanti għall-Kattoliċi fl-Iskozja, imma mbagħad tilef kollox meta kien akkużat b’kondotta sesswali ħażina ma' seminaristi u saċerdoti żgħażagħ.
Dawn l-akkużi feġġu waqt il-konklavi li kien qed jiltaqa’ f’Ruma wara r-riżenja ta’ Benedittu XVI, li ħatar lill-Papa Franġisku.
Kif ħarġu dawn id-diċeriji l-Kardinal ħabbar li ma kienx se jieħu sehem fil-konklavi. Din kienet mossa bla preċedent għax l-ewwel dover ta’ kull kardinal hi li jivvota għall-ħatra tal-Papa.
Wara l-ħatra tal-Papa Franġisku, dan kien ħatar lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet li wasslu biex il-Kardinal irrinunzja għad-drittijiet u doveri fl-2015.
L-Arċisqof Leo Cushley, li jmexxi d-djoċesi ta’ Edinburgh, qal li għalkemm f’ħajtu l-Kardinal O’Brien seta’ kien hemm opinjonijiet diverġenti dwaru, f’mewtu kulħadd  jingħaqad biex jitlob għalih u għall-familja tiegħu.
Keith O’Brien kien ordnat saċerdot fl-1965 u ħadem f’diversi parroċċi fl-Iskozja qabel ma nħatar Direttur Spiritwali tal-Kulleġġ Sant’Andrja, seminarju li eventwalment għalaq fl-1986. Wara mar Rettur tal-Kulleġġ Santa Marija, seminarju ieħor li llum għalaq ukoll.
Kien hemm almenu erba’ saċerdoti li għamlu allegazzjonijiet kontra l-Kardinal O’Brien.
Għalkemm hu qatt ma kien akkużat kriminalment, l-aġir tiegħu kien żgur jammonta għal abbuż ta’ poter billi kien akkużat ukoll li kien jgħaddi jew jikkastiga lill-istudenti skont kif kienu jirreaġixxu għall-avvanzi sesswali tiegħu.
Għalkemm għall-ewwel kien ċaħad l-allegazzjonijiet kollha kontrih, imbgħad kien ammetta li l-imġiba sesswali tiegħu ma kenitx tal-livell mistenni minn saċerdot, Isqof jew Kardinal.
Wara r-riżenja tiegħu minn Arċisqof, li kienet aċċettata fi Frar 2013, O’Brien għex ħajja kwieta f’Northumberland fejn minħabba problemi ta’ saħħa kien qed jingħata kura mis-Sorijiet tal-Little Sisters of the Poor u riċentement iddaħħal l-isptar wara waqa’.
Fil-festa ta’ San Patrizju, dakinhar li għalaq 80 sena, ingħata l-Griżma tal-Morda u miet fid-19 ta’ Marzu, festa ta’ San Ġużepp.