Miet il-Granmastru Fra Giacomo dalla Torre

Tħabbret il-mewt ta’ Fra Giacomo dalla Torre, Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, li seħħet dalgħodu 29 ta’ April f’Ruma fl-isptar fejn kien qiegħed għall-kura għal dawn l-aħħar xhur.

Fra Giacomo dalla Torre del Tempio di Sanguinetto twieled f’Ruma nhar id-9 ta’ Diċembru 1944. Hu ggradwa fil-Letteratura u l-Filosofija mill-Università La Sapienza f’Ruma, fejn hu speċjalizza fl-Arkeoloġija Nisranija u l-Istorja tal-Arti. Fis-snin ta’ wara serva bħala akkademiku fl-Università Urbaniana fejn għallem Grieg klassiku u anke serva bħala librar u arkivista tal-istess università.

Fl-1985 ġie ammess fl-Ordni ta’ San Ġwann bħala Kavallier tal-Unur fejn fl-1993 ħa l-voti solenni. Serva f’diversi pożizzjonijiet fl-Ordni: Prijur tal-Lombardija u Venezja (1994-1999), Membru tal-Kunsill Sovran (1999-2004). Ġie elett bħala Gran Kmandant fl-2004 u mal-mewt ta’ Fra Andrew Bertie (it-78 Granmastru tal-Ordni) fi Frar 2008 inħatar Logutenent ad intermin.

Bejn l-2008 u l-2017 Fra Giacomo dalla Torre hu kien Gran Prijur ta’ Ruma u mar-riżenja tad-79 Granmastru Fra Matthew Festing hu nħatar Granmastru nhar it-2 ta’ Mejju 2018 bħala t-80 Prinċep u Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann.

Deskritt bħala bniedem ta’ spiritwalità u qalb kbira, dejjem għen l-aktar żvantaġġati u pparteċipa f’numru kbir ta’ pellegrinaġġi f’Lourdes mal-persuni bi bżonnijiet speċjali, organizzati mill-Ordni.

Skont il-Kostituzzjoni tal-Ordni, Fra Ruy Gonçalo do Valle Peixoto de Villas Boas assuma l-pożizzjoni ta’ Logutenent ad interim u se jibqa’ jmexxi l-Ordni sakemm jinħatar Granmastru ġdid.