Miet dak li ta l-ħajja lil Roger Rabbit

Miet Richard Williams, l-animatur Ingliż tal-cartoons, li ħadem fuq il-film Who Framed Roger Rabbit li ħareġ fl-1988 li għalih rebaħ żewġ Oscars u BAFTA Award. Kellu 86 sena. Williams twieled il-Kanada imma mar jgħix fl-Ingilterra fis-Snin 50.

Fil-karriera tiegħu fil-films, l-animatur b’kollox rebaħ tliet Oscars u tliet BAFTA Awards. Kellu sehem kbir ukoll fuq żewġ films tal-Pink Panther u fil-film Casino Royale. It-tielet Oscar rebħu għal A Christmas Carol fl-1972 fis-sezzjoni tal-Animated Short Film. L-ewwel film tiegħu kien The Little Island fl-1958 li rebaħ BAFTA Award.

Williams dejjem sostna li qabad il-karriera tal-cartoons wara li ra l-film ta’ Walt Disney Snow White and the Seven Dwarfs. Kien għadu żagħżugħ imma xtaq li jaħdem ma’ Disney. Għalhekk bagħtilhom xi tpinġijiet u stidnuh biex imur hemm. Dam jumejn fl-istudjos tagħhom u meta telaq tawh il-parir biex itejjeb it-tpinġijiet tiegħu u kellu jirnexxi.

Williams laħaq il-quċċata tal-karriera tiegħu b’Who Framed Roger Rabbit li fih ta l-ħajja lil żewġ karattri li baqgħu maħbubin: Roger u Jessica Rabbit.