Il-Qorti Ewropeja għandha tiċħad l-appelli ta’ Dalli – L-Avukat Ġenerali Ewropew

L-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja Maciej Szpunar fil-parir tiegħu lill-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja irrakkomanda lill-istess qorti biex tiċħad l-appelli ta’ l-eks-kummissarju Ewropew John Dalli għal kumpens għal dak li hu qed isejjaħ bħala aġir ħażin kontrih mill-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi Ewropew (OLAF).

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju tal-2015 kienet ċaħdet l-ewwel appell ta’ John Dalli. F’dak l-appell l-eks-kummissarju Ewropew kien talab li d-deċiżjoni li hu qal ttieħdet mill-President tal-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta’ Ottubru tal-2012 biex verbalment “jitkeċċa immedjatament” minn Kummissarju Ewropew kellha tiġi ddikkjarata nulla u li jingħata kumpens finanzjarju għad-danni li sofra kawża ta’ din id-deċiżjoni.

Skont ir-rapport tal-Qorti,il-Qorti ċaħdet mill-ġdid appell ieħor ta’ John Dalli fejn talab li jkun meqjusa mill-ġdid is-sentenza li ngħatat fis-6 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra fejn kienet ġiet miċħuda mill-ġdid it-talba tiegħu għal kumpens għad-danni li sofra kawża tal-allegat kondotta illegali tal-OLAF fil-konfront tal-tkeċċija tiegħu minn Kummissarju Ewropew.