Microsoft taħtar Country Manager ġdid għal Malta

Panayiotis Ioannou għadu kemm inħatar Country Manager għal Microsoft Malta. Ioannou ħa post Adrianna Zammit li dan l-aħħar inħatret bħala parti mit-tim eżekuttiv tat-tmexxija ta’ Microsoft għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; hub li jimmaniġġja 24 pajjiż madwar l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
Ioannou ingħaqad ma’ Microsoft fl-2006 bħala Partner Sales Lead għal Ċipru u Malta u fl-2008 inħatar bħala Small and Midmarket Solutions & Partners (SMS&P) Lead għal Ċipru bir-responsabbiltà li jimmaniġġja r-relazzjoni bejn Microsoft u l-komunità ta’ partners.
Qabel ma ssieħeb ma’ Microsoft, Ioannou, li huwa gradwat bil-Masters fl-inġinerija mekkanika mill-Università Kattolika tal-Amerika f’Washington, kien ibbażat f’Maryland fejn kellu diversi rwoli ta’ project engineering u project management.
F’kumment dwar il-ħatra l-ġdida tiegħu, Ioannou qal li “ili nsegwi l-ħidma ta’ Microsoft f’Malta sa mit-twaqqif ta’ Microsoft Malta fl-2003. Qed inħares lejn din il-ħatra ġdida f’Malta bħala pass naturali importanti fil-karriera tiegħi u opportunità li mmexxi tim mill-aqwa fi żmien meta t-teknoloġija saret importanti ħafna. Fil-fatt, huwa grazzi għat-tim lokali taħt it-tmexxija ta’ Adrianna Zammit kif ukoll tal-Country Manager ta’ qabilha, li Microsoft Malta stabilixxiet preżenza b’saħħitha f’Malta billi bniet ekosistema interessanti ta’ partners.”
Huwa temm jgħid li “waħda mill-iżjed sfidi importanti li se jkollha Malta fis-snin li ġejjin hi li terġa tinterpreta mill-ġdid il-kompetittività tagħha u dan se jkun jinvolvi eżerċizzju b’saħħtu sabiex nidentifikaw f’liema setturi Malta għandha tinvesti fis-snin li ġejjin sabiex tiżgura iżjed tkabbir ekonomiku”.