Microsoft Malta tħabbar investiment ta’ miljun ewro għal start-ups lokali

Microsoft Malta ħabbret li permezz tal-Microsoft Innovation Centre tagħha, se tkun qed tgħaddi b’valur ta’ miljun ewro fi cloud services lil start-ups Maltin.
L-investiment li se jingħata lil kumpaniji start-up Maltin bħala parti mill-programm BizSpark ta’ Microsoft, tħabbar minn Ed Steidl, Microsoft Global Head għall-Programm MIC waqt żjara li għamel fil-Microsoft Innovation Centre fi Skyparks. Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll il- Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
Huwa u jħabbar dan l-investiment, Steidl esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għar-riżultati importanti li l-MIC f’Malta ilu jikseb matul dawn dawn l-aħħar sentejn u nofs li ilu jopera.
“Il-Microsoft Innovation Centre f’Malta intagħżel minn Microsoft sabiex igawdi minn dan l-investiment wara r-riżultati mill-aqwa li ilu jikseb sa minn meta twaqqaf sentejn u nofs ilu. L-MIC ra l-bidu ta’ 80 start-up li kienu megħjuna permezz ta’ mentoring u għajnuna teknika mit-tim lokali ta’ Microsoft. Iżjed importanti minn hekk, nafu wkoll li l-istart-ups lokali qed jagħmlu ħafna użu mill-cloud technology, ferm iżjed minn start-ups f’pajjiżi oħra. Fil-fatt, iżjed minn 10% tal-konsum ta’ teknoloġija cloud fir-reġjun CEE ta’ Microsoft, reġjun ta’ 24 pajjiż fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, huwa konsum li ġej minn start-ups Maltin”, fisser Steidl.
Il-Microsoft Innovation Centre, is-sena l-oħra, ta b’kemm jiswew €100,000 f’servizzi ta’ cloud għal sena sħiħa lill-istudenti u akkademiċi fil-livell terzjarju, jiġifieri l-Università u l-MCAST. Microsoft ħabbret li din id-donazzjoni se terġa’ tingħata din is-sena wkoll.
Il-programm BizSpark ta’ Microsoft huwa programm globali li jgħin lil kumpaniji ġodda ta’ software għadhom jibdew, sabiex jiksbu aċċess b’xejn għall-għodda ta’ Microsoft biex bihom jiżviluppaw iżjed software, jgħinhom jiltaqgħu ma’ kumpaniji oħra fl-istess industrija u jipprovdilhom viżibilità għal skop ta’ marketing biex ikunu jistgħu jibdew joperaw bħala negozju.
Il-programm ifittex li jiżviluppa ekosistema globali ta’ start-ups, iwassal iżjed valur f’industrija ta’ teknoloġija li qed tinbidel malajr ħafna u tħeġġeġ iżjed innovazzjoni, opportunitajiet u tkabbir ekonomiku madwar id-dinja.
Illum, BizSpark jinkludi network globali ta’ partners u advisors li permezz tagħhom, Microsoft twassal għajnuna lil madwar 45,000 start-up madwar id-dinja.