Mickey u Minnie… sa fl-aħħar se jiżżewġu

Kollox jinsab lest biex matul il-jum tal-Ħadd filgħodu jsir it-tieġ tal-iktar żewġ karattri poplari mat-tfal maħluqa minn Walt Disney…

Rajnihom fuq it-televiżjoni meta konna tfal, iltqajna mal-karattri tagħhom fil-postijiet frekwentati mit-tfal bħal Euro Disney f’Pariġi u Disenyworld f’Orlando. Segwejnihom fl-avventuri tagħhom ma’ Pluto u Goofy, Daisy u Donald Duck iżda issa t-tfal Maltin se jkollhom opportunità jattendu wkoll għat-tieġ tagħhom. It-tieġ ta’ Mickey u Minnie Mouse.

Il-Ħadd filgħodu l-Aġenzija Appoġġ se tkun qed torganizza dan it-tieġ tal-fantasija f’MonteKristo Estates f’Ħal Farruġ fejn it-tfal ġew mistiedna jattendu mal-ġenituri tagħhom sabiex jaqsmu l-ferħ ma’ dawn iż-żewġ karattri maħbuba fl-okkażjoni tat-tieġ.

Fuq l-invit, bil-pulit Mickey u Minnie qed jitolbu rigal ta’ €4 mit-tfal u ta’ €6 mill-adulti u l-flus kollha li jinġabru se jmorru għall-fond apposta tat-tfal li għandha l-Aġenzija Appoġġ. It-tfal huma mistiedna jkunu hemm għall-10am sabiex flimkien iżejnu r-rigali u jippreparaw għall-wasla tal-“għarajjes” imbagħad wara li jsir ir-riċeviment iħejju għat-tluq tal-koppja, miżżewġin friski għall-5pm

L-Aġenzija Appoġġ permezz taċ-‘Children’s Fund’ tgħin lil tfal li minħabba sitwazzjoni diffiċli fil-familja tagħhom ikollhom jirrikorru għand il-Fondazzjoni għas-Servizzi għal Ħarsien Soċjali. Każijiet jinkludu mard fil-familja u bżonnijiet finanzjarji meta t-tfal ikollhom bżonn l-iktar għajnuna fl-edukazzjoni.

 

Ritratt: Appoġġ Children's Fund