Miċħuda t-talba ta’ Yorgen Fenech dwar il-proklama

Read in English.

Il-Qorti ċaħdet l-isfida li għamel is-Sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech lid-deċiżjoni tal-Kabinett dwar il-proklama tiegħu.

L-Imħallef Francesco Depasquale ċaħad it-talba ta’ Fenech sabiex id-deċiżjoni tal-Kabinett dwar il-maħfra presidenzjali għalih tkun iddikkjarata nulla. Il-Kabinett kien ħa din id-deċiżjoni fuq rakkomandazzjoni tal-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Fenech bħalissa qed jitressaq il-Qorti akkużat li kien involut fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu kien talab għall-maħfra presidenzjali biex jiżvela dak kollu li kien jaf, iżda l-Kabinett kien iddeċieda kontra dan.

F’Novembru, Fenech fetaħ rikors il-Qorti kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-membri tal-Kabinett tiegħu. Hu kien talab biex il-Qorti tħassar dak li ddeċieda l-Kabinett u b’hekk tkun tista’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid it-talba tiegħu għall-proklama.

Din it-talba kienet miċħuda mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili llum.