Miċħuda t-talba ta’ Fenech għal informazzjoni mill-mowbajl ta’ 13-il persuna

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Il-Qorti ċaħdet talba li saret mid-Difiża ta’ Yorgen Fenech għall-post fejn kienu l-mowbajls u l-informazzjoni tat-telefonati ta’ 13-il individwu.

Fid-digriet twil maħruġ mill-Maġistrat Rachel Montebello, hija kkwotat liġi lokali u liġi Ewropea biex turi li t-talba mhix ġustifikata u hi sproporzjonata.

Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talab għall-ġeolokazzjoni u l-call logs ta’ 13-il persuna, inkluż ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru, tal-eks Ministru Chris Cardona, tas-sensar tal-assassinju Melvin Theuma, is-sieħba tiegħu u bintha, tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, il-ħabib tiegħu u ta’ Theuma Edwin Brincat il-Ġojja, ta’ Kenneth Camilleri u Johann Cremona.

Minn meta ġie arrestat f’Novembru li għadda, Fenech implika lil nies oħra fil-qtil, fosthom lil Schembri, li kien ħabib kbir tiegħu. Schembri kien ġie interrogat f’Novembru iżda nħeles mill-arrest. Il-Pulizija tgħid li hu għadu qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju.

L-Avukat Ġenerali opponiet din it-talba, u anke tnejn mill-persuni msemmijin.

Il-Maġistrat irrikonoxxiet l-importanza ta’ informazzjoni bħal din fl-investigazzjonijiet, imma enfasizzat li wieħed irid iżomm f’moħħu l-libertà tal-persuni wkoll. Għalhekk, informazzjoni bħal din se tingħata jekk tkun neċessarja biss.

Hija semmiet deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li fiha kien ġie deċiż li miżura bħal din tkun sproporzjonata meta tikkonċerna nies li m’hemmx evidenza li huma involuti f’reati serji, jew jekk ma tistax tgħin fil-prevenzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ offiżi serji.

Fid-digriet, il-Maġistrat qalet li r-relevanza tal-informazzjoni mitluba mhix ċara, peress li m’hemmx indikazzjoni li ħafna minn dawk imsemmija għandhom x’jaqsmu mal-każ jew huma implikati fl-assassinju tal-ġurnalista. Apparti hekk, il-Maġistrat innutat li t-talba donnha ma kinitx għal informazzjoni speċifika, imma biex tinġabar kemm jista’ jkun informazzjoni, u għalhekk qisha hi motivata minn spekulazzjoni u mix-xewqa tad-Difiża li tara l-materjal biex forsi ssib xi ħaġa li tgħinha fil-każ tagħha.

Għaldaqstant, il-Maġistrat insistiet li t-talba tad-Difiża ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali, u li tinterferixxi fil-privatezza tal-persuni indikati. Madankollu, semmiet li talbiet bħal din mhux bilfors jiġu miċħuda fil-futur, jekk il-kriterji meħtieġa jintlaħqu.

Tintlaqa’ t-talba għal stqarrijiet minn partijiet terzi

Minkejja ċ-ċaħda tal-ewwel talba, il-Maġistrat laqgħet talba oħra tad-Difiża: li jiddaħħlu bħala evidenza r-rikordings tal-istqarrijiet li taw lill-Pulizija x-xhieda fil-każ li ressqet il-Prosekuzzjoni.

L-Avukat Ġenerali kienet oġġezzjonat għal dan, għax qalet li l-istqarrijiet jistgħu jitqiesu biss bħala evidenza kontra min tahom, imma l-Maġistrat qalet li f’dal-każ, wieħed ma jistax jikkunsidra stqarrijiet bħal dawn mhux ammissibbli.

Il-Maġistrat aċċennat li l-akkużati għandhom id-dritt għal smigħ ġust mingħajr restrizzjonijiet fuq id-dritt tagħhom li jiddefendu lilhom infushom, inkluż id-dritt li jisfidaw xi xhieda li tkun saret kontrihom.