Miċħuda t-talba ta’ Busuttil u Casa biex jerġa’ jinfetaħ il-każ kontra Mizzi u Schembri

Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u David Casa biex tinfetaħ inkjesta b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li bil-kontra ta’ dak li qalu Busuttil u Casa, m’hemm l-ebda limbu legali u ġudizzjarju.

Fl-2018, il-Maġistrat kien ordna li dokumenti u evidenza oħra li ġew ippreżentati minn Casa u Busuttil kellhom jiġu ppreżentati lill-Maġistrat Ian Farrugia li diġà kien qed jevalwa talba simili dwar il-Panama Papers.

Farrugia qal li kien hemm biżżejjed evidenza biex tinfetaħ inkjesta fil-Prim Ministru Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Adrian Hillman, Karl Cini, Malcolm Scerri, u Brian Tonna. Madanakollu, il-Qorti tal-Appell qalet li ma kienx hemm bażi legali biex tinfetaħ inkjesta. Wara din id-deċiżjoni tal-Imħallef Giovanni Grixti, Busuttil u Casa ssottomew applikazzjoni biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali ta’ Depasquale. Din it-talba ġiet miċħuda.

Ir-reazzjoni tal-Gvern

F’reazzjoni, il-Gvern qal li l-Qorti reġgħet ċaħdet rikors tal-eks Kap tal-Oppożizzjon Simon Busuttil u tal-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjnalista David Casa. Skont il-Gvern, il-Qorti tgħid li “d-digriet li għamel l-istess Maġistrat Inkwerenti fil-21 ta’ Mejju 2018 m’għandu ebda ħtieġa li jingħata eżistenza legali/ġudizzjarja, awtonoma u indipendenti mid-digriet tal-Maġistrat Dr Ian Farrugia”, u dan peress li t-talba ta’ Simon Busuttil u David Casa kif magħmula fir-rikors tagħhom tal-20 ta’ April 2018, kienet ġiet miċħuda, u din id-deċiżjoni hija waħda finali minħabba li skont il-liġi ma jista’ jsir ebda appell minnha.

Fi kliem il-Gvern, il-Gvern dejjem jirrispetta l-Qrati ta’ Malta, l-indipendenza tagħhom, u d-deċiżjonijiet tagħhom.

Reazzjoni ta’ Busuttil

Fuq Facebook Busuttil qal li se jibqgħu jħabbtu fuq il-bieb tal-ġustizzja “sakemm jinfetaħ”. Fi kliem Busuttil, madwar id-dinja kollha, ir-revelazzjonijiet tal-Panama Papers ġabu investigazzjonijiet, arresti, proċeduri kriminali, riżenji, u saħansitra sentenzi ta’ ħabs. F’Malta biss ma saritx ġustizzja.