Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest għal raġel akkużat bi vjolenza domestika

Miguela Xuereb

Raġel li ġie arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest minkejja li qatta’ xahar fil-kustodja tal-pulizija peress li l-qrati ngħalqu minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Ir-raġel ta’ 30 sena mill-Gżira huwa akkużat li weġġa’ lill-għarusa tiegħu b’mod gravi, li wettaq dannu kriminali, li segwa lit-tfajla, taha fastidju u heddidha. Huwa talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti ma tathulux. Il-vittma għadha trid tixhed.

Skont l-avukat tal-akkużat, ladarba tixhed, il-vittma se tinkrimina lilha nfisha wkoll. L-Avukat Luciano Busuttil saħaq li l-allegata vittma tat daqqa lir-raġel bi flixkun ġo rasu. Stqarr li minkejja li r-raġel kellu bżonn jittieħed l-isptar, il-pulizija arrestaw lilu. Peress li ma jistax jidher il-qorti ladarba din tinsab magħluqa bħalissa, l-Avukat tad-Difiża talab li r-raġel jinħeles mill-arrest.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ħareġ digriet li fih innota kif l-akkużat kien diġà nstab ħati ta’ reati oħra fil-passat, u issa kien akkużat li wettaq dan ir-reat meta kien qed jiskonta sentenza sospiża.

Il-Qorti għaldaqstant ikkonkludiet li l-vjolenza domestika hija dejjem ħażina, u qatt ma tista’ tkun iġġustifikata, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi. Hija ddeċidiet li r-raġel ma jistax jinħeles minħabba kemm huma serji l-akkużi fil-konfront tiegħu, u minħabba biża’ li huwa jista’ jwettaq reati oħra.