Michelle Muscat u Pink October: Se tibqa’ tibża’?

Ottubru huwa x-xahar iddedikat għall-għarfien tal-kanċer tas-sider, kanċer li jekk jinqabad kmieni jista’ jsalva l-ħajja tal-persuna. L-għarfien jgħin sabiex wieħed jieħu l-prekawzjonijiet possibli.
B’rabta ma’ dan, isiru diversi attivitajiet fosthom dawk organizzati mill-Fondazzjoni Marigold.
Waqt il-programm Insellimlek ma’ Sonia Young fuq RTK103FM, iċ-ċerpersin ta’ din il-fondazzjoni Michelle Muscat tkellmet dwar dawn l-attivitjiet u l-isforzi li qed isiru matul dan ix-xahar.
Nhar il-Ġimgħa 20 t’Ottubru se ssir il-mixja annwali li issa nistgħu ngħidu daħlet fil-kalendarju Malti, l-Esplora Pink October Night Walk. Qabel il-mixja, fis-6.30pm, se jittella’ seminar f’Villa Bighi fejn se ssir diskussjoni dwar il-prekawzjonijiet kontra l-kanċer tas-sider. Se jiġi ppreżentat ukoll studju minn Dr Danica Marmara li hija esperta fil-kanċer f’Malta, dwar ir-rabta bejn il-kanċer u l-ħajja li ngħixu f’Malta. Se jkun hemm sezzjoni li tieħu ħsieb it-tfal waqt is-seminar. 
Għal Pink October 2017, intgħażel il-motto ‘Face Your Fear’ u skont Michelle Muscat, il-mixja tal-lejl hija sinifikattiva għal fatt li meta wieħed jiddeċiedi li jieħu l-prekawzjonijiet ikun qed jagħżel li ma jibqax fid-dlam. Skont studju li sar, waħda mill-affarijet li twaqqaf in-nies milli jieħdu l-prekawzjonijet hija l-biża’.
Il-mixja se ssir fil-Kottonera u tibda fid-9.30pm. Se jkun hemm trasport provdut biex wieħed jasal lura fejn Villa Bighi. Matul l-attività Esplora se jkun miftuħ biex jagħti tagħrif dwar riċerka u esperimenti mid-dinja tax-xjenza. L-NGOs Maltin se jkunu hemm ukoll għal xi mistoqsijiet dwar is-servizzi tagħhom għall-pubbliku.
Min jixtieq jingħaqad f’din il-mixja jista’ jirreġistra qabel il-mixja fuq il-post stess.
Imbagħad, l-għada s-Sibt 21 ta’ Ottubru se jkun hemm attività oħra bl-isem Doctors in the City fejn it-tobba se jkunu preżenti fil-Belt Valletta biex jagħtu konsultazzjoni b’xejn lin-nies interessati. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi mid-9.30am ’il quddiem.
Fi kliem is-Sinjura Muscat, “permezz ta’ din l-attività ħloqna ambjent fejn wieħed m’għandux għalfejn jibża’ jitkellem mat-tabib jew forsi jistaqsi xi mistoqsijiet”.
Aktar tard dan ix-xahar se ssir ukoll l-ewwel edizzjoni tal-Pink and Black Ball & Concert li qed tiġi organizzata mill-Fondazzjoni Marigold b’kollaborazzjoni mal-Forzi Armati ta’ Malta. Il-ballu se jsir nhar is-Sibt 28 t’Ottubru, fejn se jsir kunċert mill-banda tal-Forzi Armati u wara ikla u ballu fil-Barracks ta’ Ħal Luqa. L-avventiment huwa formali u l-ħlas tad-dħul se jingħata bħala donazzjoni għal Pink October. Għal biljetti wieħed jista’ jċempel fuq 99912373 jew 79362220.
Is-Sinjura Muscat fakkret li l-għan priċipali tal-Fondazzjoni huwa li tagħti s-sapport l-NGOs f’Malta li jaħdmu f’oqsma soċjali, dawk edukattivi u fis-saħħa. Din il-fondazzjoni waqqfet ukoll l-ewwel NGO f’Malta ddedikata għall-mard rari.