Michela tkanta fil-villaġġ tal-Eurovision

Ritratt: Thomas Hanses

Filwaqt li f’Tel Aviv illum saru l-ewwel dress rehearsals tal-pajjiżi li għada se jipparteċipaw fl-ewwel semi finali, aktar tard illejla tibda t-tieni prova, li matulha se jkunu qed jiġu vvutati l-ewwel 50% tal-voti mill-ġuriji. Il-kumpament tal-50% l-oħra se jiġu vvuttati għada mit-telespettaturi tal-pajjiżi parteċipanti tal-ewwel semi finali.

Ritratt: Facebook

Għall-kantanta Michela Pace l-aħħar 24 siegħa kienu xejn anqas impenjattivi. Il-bieraħ, flimkien mal-kumplament tad-delegazzjonijiet kollha, ħadet sehem fil-ftuħ uffiċċjali tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li beda minn fuq it-tapit oranġjo f’Habima Square, u kompla fit-teatru nazzjonali Habima.

Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn hi ltaqgħet mal-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest, fans tal-Eurovision u bosta ġurnalisti akkredetati li qed jirrapurtaw l-avveniment ta’ din is-sena.

 

Illum l-impenji ta’ Michela kienu jikkonsistu fost oħrajn billi tat wirja quddiem udjenza numeruża f’dak li jissejjaħ il-Eurovision Village, villaġġ tal-Eurovision li jimxi minn pajjiż għall-ieħor minn sena għall-oħra u li fih jagħti opportunita lill-fans li jsiefru apposta fil-pajjiż ospitanti biex isegwu mill-qrib l-andament tal-Eurovision, f’atmosfera unika u brijuża.

Ritratt: Facebook

Permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, Michela ddeskriviet il-wirja fil-EuroVillage bħala esperjenza sabiħa u ħassitha onorata li kantat quddiem udjenza daqstant sabiħa.

Żiedet tgħid li issa se tkun għaddejja b’aktar provi għas-sehem tagħha fil-Eurovision.

Michela Pace se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fit-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest nhar il-Ħamis 16 ta’ Mejju.

L-ispettaklu jibda fid-9pm.