Michela, Gaia u Leuellen għall-Isle of MTV

L-Isle of MTV jinsab magħna u issa qed joħorġu wkoll l-ismijiet tal-Maltin li nhar it-Tlieta 9 ta’ Lulju se jkunu qed jagħtu l-wirjiet tagħhom.

Kien permezz tal-mezzi soċjali li l-kantanti bdew iħabbru l-parteċipazzjoni tagħhom u jekk għadkom ma tafux ngħidulkom li fost dawk li se jkunu qed jagħtu sehemhom hemm Michela Pace li aktar kmieni din is-sena rebħet l-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta, u mbagħad marret biex tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Chameleon.

Hemm ukoll Gaia Cachi li kienet rebħet l-edizzjoni tal 2013 tal-junior Eurovision Song Contest, u li grazzi għal dan il-fatt, dan l-avveniment ittella’ f’pajjiżna għall-ewwel darba fis-sena ta’ wara.

Fl-aħħarnett minn fuq il-mezzi soċjali ħareġ ukoll l-isem ta’ Owen Leuellen li seraq il-qlub ta’ ħafna wara li deher fl-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta fejn klassifika fit-tieni pożizzjoni. Aktar tard hu kien ħareġ ukoll is-silta Hey Now ma’ Ira Losco.

L-Isle of MTV se jittella’ fuq il-Fosos tal-Furjana u l-ismijiet internazzjonali jinkludu lil Ava Max, Bebe Rexha u DJ Martin.