Michel Platini jirtira uffiċjalment mit-tiġrija għal President tal-FIFA

Il-President attwali tal-UEFA, Michel Platini ħabbar uffiċjalment li se jirtira l-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-FIFA.
Dan wara li huwa kien instab ħati li fl-2011 kien irċieva pagament ta' kważi żewġ miljun dollaru Amerikan mingħand Sepp Blatter f'konsulenzi għall-President tal-FIFA bejn l-1999 u l-2002.
F'dan il-każ sew Platini u sew Blatter ġew sospiżi minn kull attività marbuta mal-futbol.
Fl-irtirar uffiċjali mill-kandidatura, Platini qal li m'għandux il-ħin jaffaċċja lil dawk kollha eliġibbli jivvutaw fl-elezzjoni għall-President tal-FIFA li se ssir fi Frar li ġej.
Minflok, Platini qal li se jkun qed jiddedika ħinu biex jiddefendi ruħu quddiem il-Kumitat Etiku tal-FIFA.
Il-UEFA jidher li se tkun qed timbotta l-kandidatura tat-Taljan Gianni Infantino biex jieħu f'idejh it-tmexxija tal-FIFA.