“Michael Falzon għandu jġorr ir-reponsabbilità politika tal-każ fi Triq Zekka”

Matul il-programm Ma’ Bundy fuq RTK intqal li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon iffirma l-espropjazzjoni tal-propjetà fi Triq Zekka fil-Belt Valletta u għalhekk huwa responsabbli u jrid iġorr ir-responsabbilità politika.
Hekk sostnew il-ġurnalisti mistiedna fil-programm Caroline Muscat mit-Times, Duncan Barry minn The Malta Independent u Jurgen Balzan mill-Malta Today.
Huma qalu li jekk ir-rapporti fil-gazzetti kienu biss allegazzjonijiet kieku l-Prim Ministru ma kienx jitlob investigazzjoni tal-każ.
Il-ġurnalisti mistiedna enfasizzaw li Michael Fazon kellu jissospendi lilu nnifsu sakemm tintemm l-investigazzjoni li talab il-Prim Ministru, għalkemm qalu li Falzon diġà qal li lest jirriżenja jekk jintalab jagħmel hekk.
Qalu li l-Gvern għandu jagħmel id-dokumenti tal-każ pubbliċi għall-iskrutinju pubbliku filwaqt li rrimarkaw li d-deċiżjonijiet ittieħdu minn persuni li ġew appuntat fuq bażi ta’ position of trust.
Il-ġurnalisti qalu li qatt ma kien hawn każ ta’ espropjazzjoni ta’ propjetà li ġiet approvata daqshekk malajr u dan meta fadal każijiet li jmorru lura għas-snin ħamsin u sittin li għadhom ma ħadu xejn tal-art li tteħditilhom.
Sostnew li dwar din il-propjetà fil-Belt Valletta, il-Gvern seta’ mar għand is-sidien u staqsew għaliex kien Marco Gaffarena li mar jinnegozja l-kwart tal-propjetà.
Sostnew li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ma ċaħadx li Gaffarena kien involut fl-għażla tal-artijiet li ngħata b’valur ta’ €1.6 miljun.

Ritratt: Facebook