Micallef jiftaħ il-kanuni fuq waħda mill-ġurija ta’ X-Factor

Read in English.

Iċ-Chairperson tal-Aġenzija tal-Kultura tal-Belt Valletta Jason Micallef ippubblika kumment sarkastiku fuq Facebook bi kritika għal waħda mill-ġurija tal-programm popolari X-Factor. Dan għaliex Alexandra Alden riedet tieħu sehem f’kunċert kontra l-korruzzjoni.

Fuq Facebook Micallef ippubblika ritratti ta’ Alden u ddeskriviha bħala dik li tridha tal-Lady Gaga ta’ Malta. Qal li din mistennija ddoqq fil-“mini-concert” ta’ kontra l-korruzzjoni.

Fost dawk li kkummentaw fuq il-post ta’ Micallef kien hemm is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina (PL).

“Għax jimpurtaha ħafna minn Malta! U mill-politika ta’ pajjiżna!” kiteb Aquilina.

Il-Kap tal-Komunikazzjonijiet tal-Air Malta Karl Stagno Navarra kiteb li “jekk hi judge fuq X- Factor ifisser li postha hu kompromess”.

Kien hemm bosta persuni oħra li kkumentaw taħt il-post ta’ Micallef u kkritikaw lil Alden għax titkellem bl-Ingliż u għall-apparenza fiżika tagħha.

L-avveniment Kunċert Kontra l-Korruzzjoni mistenni jsir il-Ħadd li ġej fil-Belt Valletta. S’issa se jkunu qed jieħdu sehem il-gruppi Brikkuni, Beangrowers, u Ċikku l-Poplu.

Il-kummenti ta’ Jason Micallef ħolqu kontroversji fil-passat.

Is-CEO tal-Fondazzjoni 2018 f’Leeuwarden akkuża lill-Ministru Owen Bonnici u lil Valletta 2018 li illeġitimizzaw il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia billi ma kkundannawx il-kummenti ta’ Jason Micallef.

Wara ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju f’Malta f’Marzu tal-2018, Jason Micallef kien ipparodizza l-aħħar kliem li kitbet Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha billi kiteb: “There are happy people everywhere you look. The situation is desperate.”

Is-CEO Van Bekkum qal li kieku hu kien ikeċċi lil Micallef, u li l-V18 missha tagħmel stqarrija pubblika dwar il-kummenti ta’ Micallef.