Mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti jesprimi t-tħassib serju tiegħu għal dak li qed jiġri fil-Mali

Il-mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Mali Adama Dieng esprima t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta’ attakki ta’ ritaljazzjoni min-naħa ta’ truppi Maljani hekk kif dawn ħadu mill-ġdid il-kontroll tat-tramuntana tal-pajjiż. Huwa iddeskrieva dawn bħala attakki mifruxa u sistematiċi fejn sostna li jistgħu ukoll iwasslu għal atroċitajiet kriminali.

Il-mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti kompla jgħid li truppi Maljani qed iħallsu gruppi tal-milizja sabiex joqtlu persuni Għarab u persuni etniċi tat-Tuareg.

Dawn il-kummenti ta’ Adama Dieng ingħataw ftit ħin qabel mal-President Franċiż Francois Hollande mistenni jagħmel żjara fil-Mali. Hollande mistenni jkollu taħdidiet uffiċjali mal-President Maljan Dioncounda Traore.
Il-President Franċiż mistenni wkoll iżur Timbuktu, li nħatfet dan l-aħħar minn truppi Maljani u Franċizi.