Mibgħut tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Malta għal-laqgħa dwar il-Libja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ f’Kastilja mal-Prim Ministru Libjan Abdullah Al-Thinni, li bħalissa jinsab f’Malta imexxi delegazzjoni Libjana għal-laqgħat mal-Awtoritajiet Maltin.
Il-Prim Ministru ħabbar li l-mibgħut speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Bernardino Leon se jasal Malta biex jipparteċipaw f’dawn il-laqgħat dwar il-kriżi fil-Libja.
Id-delegazzjoni Libjana diġà ltaqgħet mal-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal-Libja, li fil-preżent tinsab ibbażata f’Malta.
Qabel il-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, Al-Thinni qal li l-Gvern immexxi minnu huwa l-uniku rappreżentant tal-poplu Libjan.
Dan b’referenza għall-fazzjonijiet li hemm fil-preżent fil-Libja.
Sostna li l-Gvern Libjan mhux ifittex intervent militari mill-qawwiet internazzjonali iżda jrid l-għajnuna loġistika biex jingħelbu l-militanti li qed jokkupaw numru ta’ ibliet fosthom il-kapitali Tripli.
Saret referenza għar-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom li hemm bejn Malta u l-Libja u kif Malta se tkun il-vuċi tal-poplu Libjan fl-Unjoni Ewropea.
Fix-xhur li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta dwar il-possibilità li ssir laqgħa bejn rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-Gvern Malti u dak Libjan dwar is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq.
Id-delegazzjoni Libjana f’Malta tinkludi wkoll lill-Viċi Prim Ministru, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u l-Ministru għall-Edukazzjoni.
Libya Herald irrappurtat kif l-Għola Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin Catherine Ashton u s-suċċessur tagħha, Federica Mogherini wkoll mistennija li jipparteċipaw għal-laqgħat f’Malta mal-mibgħut tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Id-delegazzjoni Libjana mistennija li ddum Malta sal-Erbgħa. 

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo