Filmat: “Darba qaluli għandi bullet lesta għalik”

Dr Andrea Dibben fuq l-esperjenza tagħha bħala attivista

Read in English.

Dr Andrea Dibben qalet li meta n-nies jesprimu l-mibegħda tagħhom bil-kliem mod, imma meta xi ħadd jgħidlek, “Għandi bullet lesta għalik,” mod ieħor. Hija kienet qed titkellem fuq l-esperjenza tagħha bħala attivista fil-konfront ta’ messaġġi ta’ mibegħda li tirċievi.

Dr Dibben, li hija lekċerer l-Università, u li hi attivista għad-drittijiet tan-nisa fost kawżi oħra, kienet qed tiġi intervistata minn Prof. Andrew Azzopardi waqt il-programm tiegħu fuq 103 Malta’s Heart nhar is-Sibt li għadda. Il-programm kien dwar diskors ta’ mibegħda u dwar għaliex in-nies jagħżlu li jesprimu dan is-sentiment lejn xulxin.

Prof. Azzopardi, li hu d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ fis-Soċjetà fl-Università, staqsa lil Dr Dibben x’inhu l-prezz li jkollha tħallas tal-attiviżmu tagħha fuq kwistjonijiet soċjali. Hija qalet li tul is-snin, ġiet mgħajra diversi ismijiet, bħal saħħara jew qattiela, u minkejja li ma tapprezzax titli bħal dawn, hija tkompli b’xogħolha.

Madankollu semmiet meta darba xi ħadd qalilha li għandu bullet lesta għaliha. F’dak il-mument, beżgħet u ddeċidiet li tieħu azzjoni. Irrakkuntat kif kienet għamlet rapport mal-pulizija, imma l-kwistjoni donnha waqfet hemm. Żiedet tgħid li jekk theddid bħal dan isir fil-konfront ta’ nies ta’ status soċjali partikolari, is-sitwazzjoni tkun differenti ħafna, għax x’aktarx tittieħed azzjoni.

Dr Dibben qalet ukoll li xi drabi, bħala soċjetà, meta nħossuna mhedda, nirribellaw, imma jeħtieġ li nitgħallmu kif naffaċċjaw argument li ma naqblux miegħu u mhux nispiċċaw ngħajru lil min ikun qed iħaddan dan l-argument.