MIA: Żieda ta’ 13% fil-passiġġieri fix-xitwa, 16% din is-sena

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li r-riżultati għax-xitwa li għaddiet urew żieda fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew minnu, ta’ 13%.
Din iż-żieda timxi id f’id maż-żieda ta’ 10% fl-aċċessibilità lejn Malta u hi d-doppju taż-żieda tax-xitwa tas-sena li għaddiet fuq is-sena ta’ qabel.
L-MIA ħareġ ukoll ir-riżultati għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, li juru żieda ta’ 16% fin-numru ta’ passiġġieri għal total ta’ 800,000 passiġġier.
F’Marzu waħdu, iż-żieda kienet ta’ 19%, anke minħabba l-fatt li l-btajjel tal-Għid din is-sena nzertaw f’dan ix-xahar.
Il-ħames swieq l-iktar importanti għal Malta tul ix-xitwa kienu r-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Franza u t-Turkija, li kollha ħlief Franza rreġistraw titjib minħabba iktar titjiriet jew rotot ġodda.
F’Marzu żdiedu destinazzjonijiet ġodda mill-Polonja u mill-Ġermanja, ġew inawgurati rotot ġodda mar-Renju Unit, l-Ungerija u l-Greċja u ntlaqgħet l-ewwel linja tal-ajru ġdida għal din is-sena, Volotea.