Mia Martini mfakkra llejla f’film f’okkażjoni tal-25 sena mill-mewt tagħha

Serena Rossi bħala Mia Martini. Ritratt: Uffiċju stampa RAI

Kien bħal-lum 25 sena ilu li l-kantanta Mia Martini mietet fl-età ta’ 47 sena u llejla l-istazzjon Taljan Rai Uno se jkun qed ifakkar lil din il-kantanta billi fid-9.25pm juri l-film Io Sono Mia li nħadem sentejn ilu bl-attriċi Serena Rossi fil-parti ewlenija ta’ Domenica Bertè jew kif inhi aktar magħrufa bħala Mimì jew aħjar Mia Martini.

Il-film iwassal ir-relazzjoni kumplessa li l-kantanta kellha ma’ missierha li kien għamillha bosta bsaten fir-roti. Il-film jitratta wkoll kapitlu importanti f’ħajjet din il-kantanta, meta saret tħobb, liema storja ma kellhiex tmiem feliċi.

Mia Martini rrappreżentat lill-Italja fil-Eurovision Song Contest darbtejn, fl-1977 bil-kanzunetta Libera fejn ikklassifikat fl-14-il post u fl-1992 bil-kanzunetta Rapsodia li ġiet fir-raba’ post.

Ritratt: Uffiċju stampa RAI

Il-film hu wieħed mimli emozzjonijiet kif ukoll iwassal uħud mis-suċċessi mużikali ta’ Bertè, interpretati minn Serena Rossi, magħrufa għas-serje Un Posto al Sole, li hawnhekk tinterpreta lil din il-kantanta leġġendarja.