​”Mhux veru li qed nirrifjutaw li nsalvaw l-immigranti” – Il-Gvern

Il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini qal li Malta ma tistax tibqa’ tgħid “le” kull darba li tiġi mitluba ssalva l-immigranti, akkuża li ġiet miċħuda mill-Gvern.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Como, Salvini qal li l-problemi tal-Italja ma kienux tankijiet Russi imma dgħajjes li jitilqu mil-Libja.
“Alla poġġa lil Malta eqreb lejn l-Afrika milli Sqallija u ma tistax tkompli tgħid le għat-talbiet għall-għajnuna” stqarr Salvini.
Fi kliem Salvini, għaqdiet li qed joperaw vapuri tas-salvataġġ fil-Mediterran huma bħal servizz tat-taxis għall-immigranti.
Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li “Malta ma tirrifjutax immigranti għax tħares l-obbligi kollha tagħha.”
“F’dak li għandu x’jaqsam ma’ żoni ta’ salvataġġ, Malta timxi skont il-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli għaliha.”